Numru rekord ta’ żwiemel inkitbu sabiex jipparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tazza Johnnie Walker fejn dan it-trofew prestiġjuż, li jmur lura sas-sena 1939, qed jiċċelebra 10 snin minn meta reġa beda jsir dan il-kampjonat.
Total ta’ 88 żiemel kien ifisser li din is-sena kienu 8 u mhux 7 it-tiġrijiet preliminari li minnhom ikkwalifikaw 32 żiemel tal-Klassi Gold fejn fi tmiem il-ġimgħa ġrew fi tliet semi finali u għalhekk saru magħrufa t-12-il finalist tal-Ħadd 26 ta’ Novembru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome, l-Avukat Matthew Brincat ikkummenta li t-Tazza Johnnie Walker hija kompetizzjoni mistennija mid-dilettanti tat-tiġrijiet tat-trott u l-livell milħuq huwa wieħed għoli fejn għall-finali mistennija folla kbira ta’ spettaturi.
Il-viċi Chairman tal-Malta Racing Club, Tony Demanuele, irringrazzja lid-ditta M.Demajo Wines & Spirits Limited rappreżentata mill-Marketing Manager Alfred Braddick, tal-fiduċja kontinwa u sostenn li tat matul dawn l-aħħar 10 snin.
Preżenti wkoll is-sidien taż-żwiemel finalisti li assistew għall-polza tan-numri li ż-żwiemel se jużaw waqt it-tluq tal-finali.
Total ta’ €2,725 fi premjijiet kif ukoll trofej se jitqassmu lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet u għata kommemorattiva liż-żiemel rebbieħ.
//= $special ?>