Il-gwerra f’Gaza wasslet biex l-awtoritajiet ta’ Betlem – għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin – jikkanċellaw iċ-ċerimonji tradizzjonali fil-belt fejn twieled Ġesu u li ilha nieqsa mit-turisti mindu l-qawwiet Iżraeljani, xahar ilu, bdew l-offensiva koordinata fuq it-terroristi tal-Ħamas.
L-awtoritajiet Palestinjani f’Betlem, fix-Xatt tal-Punent, għamluha ċara li d-deċiżjoni drastika qed tittieħed minħabba l-azzjonijiet militari ta’ Iżrael kontra Gaza u li huma fissru bħala ‘massakru ta’ ċivili Palestinjani’.
Għaldaqstant din is-sena mhumiex qed jittellgħu t-tiżjin tradizzjonali għal Betlem u meta lanqas mhu se jkun hemm is-soltu siġra enormi li kull sena tikkaratterizza l-avveniment tal-Milied. Il-kelliema fix-Xatt tal-Punent, sadanittant, qalu li b’dan il-mod huma qed jonoraw l-hekk-imsejħa martri tal-azzjonijiet ta’ Iżrael minbarra li jesprimu solidarjetà mal-Palestinjani f’Gaza.
Anki l-famuża Pjazza tal-Maxtura f’Betlem se tkun nieqsa mid-dwal għal tmiem is-sena. Il-pass fih innifsu hu sinifikanti għaliex se tkun l-ewwel darba fl-istorja li l-belt għandha titħalla fid-dlam għal żmien il-Milied u wara li t-tradizzjonijiet tal-Milied hemmhekk kienu anki osservati waqt il-pandemija tal-Covid.
B’hekk – u ħlief għall-quddiesa u vejla ta’ talb sussegwenti – Betlem se tkun litteralment belt rieqda għal Lejliet il-Milied. Dan waqt li l-Uffiċjali f’Betlem spjegaw li l-Palestinjani kollha fix-Xatt tal-Punent u ‘il hinn minnu mgħandhomx moħħ fiċ-ċelebrazzjonijiet fi żmien meta ħuthom qed jinqatlu f’Gaza
F’Betlem, illum, qed jgħixu madwar 25,000 persuna u meta hi fost l-aktar bliet magħrufin fuq livell reliġjuż, Fil-passat, it-turisti Kristjani minn madwar id-dinja kienu jingħaqdu f’pellegrinaġġ sal-Pjazza tal-Maxtura u l-Knisja tan-Natività biex jiċċelebraw it-Twelid ta’ Ġesu iżda issa hu żgur li t-tradizzjoni sabiħa mgħandhiex issir din is-sena.
L-abbandun ta’ Betlem ilu jinħass mindu t-terroristi tal-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru, daħlu f’Iżrael fejn qatlu l-mijiet tan-nies waqt attakk storiku…Attakk li qanqal reazzjoni militari feroċi mill-Iżraeljani li bħalissa qed jirrankaw il-konflitt mat-terroristi fil-Medda ta’ Gaza.
//= $special ?>