Lokali Saħħa

From ‘Stigma to Strength’ – Il-Konferenza Annwali tal-Fondazzjoni Richmond

Hekk kif il-Fondazzjoni Richmond tagħlaq 30 sena ta’ ħidma fil-qasam tas-saħħa mentali, it-tema magħżula għall-konferenza ta’ din is-sena hija ‘From Stigma to Strength’ – Celebrating 30 Years of Mental Health Advocacy.   Din it tema hija sinonima mal-missjoni ewlenija tal-Fondazzjoni li tappoġġi l-individwi li għaddejjin minn sfidi tas-saħħa mentali fuq quddiem.  

Il-konferenza ta’ ġurnata ser issir fil-21 ta’ Novembru ġewwa Villa Arrigo, in-Naxxar, u tibda fit-8.30am. Esperti internazzjonali u Maltin ser jindirizzaw il-konferenza  u jindirizzaw diversi temi ta saħħa mentali li jirrigwardjaw setturi diversi bhas settur tal-edukazzjoni, is-saħħa, u postijiet oħra tax-xogħol. L-esperti ser jiddiskutu l-impatt tas-saħħa mentali fuq dawn is-setturi u jesploraw strateġiji biex jippromwovu l-benessri mentali f’kull wieħed minnhom. Filwaqt li tikkonċentra fuq dawn l-aspetti, il-konferenza għandha ukoll l-għan li tqajjem kuxjenza u tipprovdi soluzzjonijiet prattiċi biex jinħolqu postijiet li jinkoragixxu sahha mental b’saħħitha bhal fl-iskejjel, postijiet ta kura tas-saħħa, u postijiet tax-xogħol ohra.

“Din il-konferenza, li se tkun qed tfakkar it-tletin sena ta’ ħidma tal-Fondazzjoni Richmond ma’ persuni li jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ saħħa mentali, u tahbat fi żmien meta l-pajjiż qed jesperjenza żieda qawwija fi problemi bħal dawn”, qalet Daniela Calleja Bitar, Agent Kap Ezekuttiv tal-Fondazzjoni.

Żiedet tgħid li t-tema tal-konferenza mhux biss tonora 30 sena ta’ promozzjoni fis-Saħħa Mentali mill-Fondazzjoni Richmond, iżda tfittex li toħloq pjattaforma inklussiva għat-tagħlim, qsim ta’ esperjenzi, u trawwim ta’ kollaborazzjoni fi ħdan il-komunità tas-saħħa mentali lokali, biex b’hekk taghti tama lil dawk ghaddejjin min dawn il-problemi.

Il-konferenza għandha tkun ta’ interess għal dawk involuti direttament fis-settur tas-saħħa mentali kif ukoll persuni li jaħdmu fl-edukazzjoni, fit-tmexxija tar-riżorsi umani, terapija tal-familja u  xogħol fil-komunità. Il-Kap Eżekuttiv tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, Dr Stephanie Xuereb se tiftaħ il-konferenza billi tesplora l-impatt trasformattiv tal-promozzjoni tas-saħħa mentali fil-kuntest lokali matul is-snin.

Il-President tal-Global Alliance for Mental Illness Advocacy Networks Europe (GAMIAN-Europe), is-Sur Peter Kéri, ser jindirizza l-involviment tal-pazjenti fis-sistema soċjali u tal-kura tas-saħħa, kif ukoll il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwawhom. Dr Erika Galea, Direttur tal-Education Neuroscience Hub, se tkun qed titkellem fid-dettal dwar strateġiji għar-regolazzjoni tal-emozzjonijiet li jtejbu t-tagħlim effettiv u l-benessri ġenerali fl-iskejjel. Is-Sur Richard Walsh, li jirrappreżenta lil ‘ReThink Mental Health UK’, ser jaqsam informazzjoni dwar il-promozzjoni tas-saħħa mentali, u ser jesplora l-ispettru mid-drittijiet individwali għal bidla sistemika.

Is-Sur David Spiteri Gingell, Konsulent tal-Management, ser jaqsam l-esperjenza tiegħu ta kif il-bipolar efettwat lilu personali u lil kollegi tieghu fuq il-post tax xoghol, u kif bl- empatija u reżiljenza waslu biex ikunu effettivi u produttivi fuq il-post tax-xogħol. Is-Sinjura Helen Bennett, mis-Servizzi ta’ Appoġġ għas-Saħħa Mentali u d-Dipendenza ‘Adferiad’ f’Wales, ser titkellem dwar metodi biex titnaqqas l-istigma. Hija ser telenka prinċipji għall-impjieg permezz ta’ esperjenzi reali ta’ individwi li huma f’pożizzjonijiet sinifikanti fl-organizzazzjoni li jagħmlu parti minnha.

Il-konferenza ser tkun indirizzata ukoll minn Dr Roberta Metsola, President tal-Parlament Ewropew u Dr. Denis Vella Baldacchino, Kummissarju għas-Saħħa Mentali, is-Sur Jesmond Saliba, Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, u s-Sinjura Daniela Calleja Bitar, Agent Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation.

Għal aktar informazzjoni jekk jogħġobok ikkuntattja lil Dorothy Micallef fuq 21 669150 jew ibgħat email fuq info@richmond.org.mt

Link għar-Reġistrazzjoni