Lokali

“Ħtieġa ta’ aktar għajnuniet finanzjarji biex jissaħħu l-mezzi diplomatiċi Maltin” – PN

“Hemm bżonn li l-Gvern ta’ Robert Abela jassigura li pajjiżna jingħata l-għajnuniet finanzjarji sabiex jissaħħu l-mezzi diplomatiċi Maltin.”

Dan li ntqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Partit Nazzjonalsita b’rabta mal-estimi li ħarġu bil-Budget 2024 dwar l-Affarijiet Barranin, Ewropej, u l-Kummerċ.

Il-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Beppe Fenech Adami qal li l-Gvern għandu jara li kull membru Ewropew jagħmel il-parti tiegħu sabiex il-pajjiżi kollha jaħdmu flimkien f’kull kwistjoni. Dan sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-poplu, mhux biss dawk li jgħix f’pajjiżna iżda anke il-madwar 20% taċ-ċittadini Maltin li emigraw lejn pajjiżi oħra.

“Gvern mheddi li jbigħ iċ-ċittadinanza iżda mhux jiffoka fuq iċ-ċittadini Maltin,” qal Beppe Fenech Adami.

Minn naħa tiegħu, il-Kelliem għat-Turiżmu, Mario de Marco qal illi pajjiżna sar iktar relevant grazzi għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, mhux biss fost l-istati membri iżda mad-dinja kollha. Dan filwaqt li għamel referenza għall-gwerra li għaddejja fil-Lvant Nofsani, fejn appella sabiex il-ġlied jispiċċa darba għal dejjem.

“Malta għandha rwol x’taqdi, irridu nagħmlu l-isforzi kollha diplomatiċi,” qal Mario de Marco.

Iż-żewġ kelliema fakkru kif minkejja din hi gwerra li mhix bieb ma’ bieb ma’ Malta, ikun żball jekk wieħed jaħseb li dawn ir-realtajiet ma jaffetwawnix … u kien hawnhekk fejn sar appell għall-politika konsistenti favur iċ-ċittadini kollha.