Internazzjonali

Il-Gwerra ta’ Gaza: Attakkata r-residenza tal-Kap Suprem tal-Ħamas fost żviluppi oħra

L-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani attakkaw ir-residenza ta’ Ismail Haniyeh, il-Mexxej Suprem tal-Ħamas, f’Gaza u li skont Iżrael kienet qed tintuża bħala ċentru ‘għall-konferenzi’ bejn it-terroristi ewlenin tal-grupp.

Haniyeh, bħalissa hu residenti fil-Qatar li hu alleat u finanzjatur tal-grupp Ħamas u meta hu ftit li xejn deher fil-pubbliku mill-bidu tal-gwerra.

Intant, il-media Palestinjana qalet li nqatlu talanqas 50 waqt attakk mill-ajru speċifiku mill-Iżraeljani fuq iċ-ċentru ta’ Gaza. Dan meta t-truppi Iżraeljani fil-Belt ta’ Gaza komplew jiġġieldu mat-terroristi fl-isptar ta’ Al-Shifa li qed jintuża bħala bażi għat-terroristi u fejn is-suldati skoprew aktar armamenti li kellhom jintużaw għal attakki ġodda fuq Iżrael.

Fl-istess ħin, il-qawwiet Iżraeljani fil-Belt ta’ Gaza anki qegħdin jiġġieldu mal-militanti tal-grupp Ġiħad Iżlamiku li hu alleat ieħor tal-Ħamas u li fil-passat kien ukoll involut f’diversi azzjonijiet terroristiċi.

Żdiedet anki t-tensjoni fix-Xatt tal-Punent fejn il-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani qatlu tliet Palestinjani armati li kienu attakkaw checkpoint lejn in-naħa t’isfel ta’ Ġerusalemm.

U fi żvilupp pjuttost sorpriża, Yair Lapid, li hu l-Kap ewlieni tal-Oppożizzjoni f’Iżrael, sejjaħ biex Benjamin Netanyahu iwarrab minn Prim Ministru minħabba ‘il-mod kif hu qed imexxi l-gwerra kontra l-Ħamas’ u li skont Lapid, mhux iħalli r-riżultati mixtieqa għal pajjiżu.