Lokali

Il-pagi tal-għalliema: “Hemm punti li mhux dejjem ikunu allineati”

Bejn Frar u Marzu tal-2022, aktar minn sena u nofs ilu, il-Gvern ta’ Robert Abela kien wiegħed lill-għalliema żieda sostanzjali – f’Diċembru tal-2022 bdew in-negozjati – iżda sal-lum, għadhom fi status quo.

Il-fatti, għad-differenza tal-paroli, qed juru biċ-ċar li f’dan il-mument il-Gvern mhux veru li qed iġib l-interessi tal-edukaturi l-ewwel u qabel kollox – bil-Union tal-Għalliema tinsisti bl-azzjonijiet tagħha għaliex dak li kien imwiegħed lilhom mhux qed jingħatalhom.

Ma’ Net News, il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima ikkonferma illi għad hemm nuqqas ta’ qbil mal-MUT…bil-laqgħa li jmiss, fil-proċess ta’ konċiljazzjoni, skedata għall-Ġimgħa.

Mistoqsi minn Net News jekk il-Gvern hux se jkun qed jissodisfa l-appelli tal-MUT u l-edukaturi, Clifton Grima insista li se jkun qieghed iżid sostanzjalment il-pakkett finanzjarju. Dan filwaqt li saħaq li kulħadd se jkun qiegħed jieħu dak li ħaqqu.

Madanakollu sa issa għall-Gvern Laburista donnu li l-edukaturi ħaqqhom inqas mill-għajnuna tal-COLA għaliex hekk ġew offruti – turija ta’ disrispett lejn din il-professjoni vokazzjonali li twitti t-triq għal ġenerazzjonijiet futuri ta’ pajjiżna.

Intant, mistoqsi dwar il-laptops għall-istudenti tas-seba’ sena…wegħda li ilha ssir mis-sena akkademika preċedenti Grima sostna li se jkunu qed jingħataw il-laptops matul din is-sena akkademika…madanakollu jidher li dawk li ġew imwiegħda l-laptops is-sena li għaddiet…se jibqgħu b’xejn.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li dawn l-istudenti jingħataw il-laptops kif kienu mwiegħda jekk dan il-Gvern iqis ruħu verament wieħed li jwettaq dak li jwiegħed.