Bosta qed jiddeskrivu s-sitwazzjoni b’rabta mas-siġar tal-fikus fil-Pjazza tal-Mosta bħala rebħa ambjentali, rebħa ta’ poplu – oħrajn qed jibqgħu jinsistu li din kienet disfatta – biz-zkuk tas-siġar spiċċaw qishom vleġġeġ u żbandoli.
Is-sitwazzjoni b’rabta mat-tneħħija tas-siġar fil-pjazza tal-Mosta eskalat tant li l-vera sinifikat tagħha jmur lil hinn minn sempliċiment erba’ siġriet. U bħal kull kontroversja ta’ dan il-Gvern, partikolarment b’Robert Abela fit-tmun…. il-poplu kellu jinżel fil-pjazez sabiex forsi l-appell tiegħu jinstema’.
Fil-fatt, biex dawn is-siġar ma jitneħħewx kellhom jinżlu l-attivisti, jitkellmu l-esperti, jintervjenu l-Forzi tal-Ordni, tinżel fil-pjazza l-Oppożizzjoni…u sussegwentament anke l-Ministru Byron Camilleri ħareġ jattakka lill-Pulizija….u l-Prim Ministru jattakka l-istituzzjonijiet. Dan kollu minħabba deċiżjoni deskritta bħala egoista meħuda mis-Sindku tal-Mosta Chris Grech.
Ċertament li din ma kinitx rebħa għal min kien jistkenn taħt dawn is-siġar…jew għall-għasafar li kienu jorqdu fuq iz-zkuk tagħhom mal-lejl.
U f’dawn il-jiem spikka partikolarment is-silenzju tas- Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Annimali, Alicia Bugeja Said fejn iddeskriviet l-avvenimenti tal-aħħar jiem bħala nuqqas ta’ komunikazzjoni.
Net News insista ma’ Bugeja Said jekk tikkundannax il-qerda tal-habitat ta’ dawn il-ħlejjaq bis-Segretarju Parlamentari taħrab għal kollox milli twieġeb.
Intant, stqasejna wkoll lis-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti, eks Sindku tal-lokalità Tal-Pietà. Bid-domanda tkun x’kien jagħmel minflok Chris Grech….b’Azzopardi Tanti jisħaq li hu kellu każ simili fejn kien ċaqlaq siġra partikolari, bil-permessi kollha.
Madanakollu meta insistejna x’kien jagħmel f’dan il-każ partikolari huwa ma żbilanċjax ruħu.
Fi żviluppi oħra b’rabta ma’ din is-saga fil-pjazza tal-Mosta, is-Sindku Laburista ħabbar illi wara li ried iqaċċat is-siġar…issa spiċċa dawwarhom bil-konki, u qed isaqqihom.