Lokali

It-tkabbir tal-pagi f’Malta huwa l-agħar fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea

Il-familji Maltin u Għawdxin ilhom snin jisħqu li mhux qed jirnexxilhom ilaħqu sal-aħħar tax-xahar tant li qed ikollhom ibiddlu l-mod kif kienu jgħixu qabel u jiċċaħdu anke mill-iktar affarijiet bażiċi u bżonnjużi ta’ kuljum. Dan quddiem iż-żieda tal-għoli tal-ħajja u l-pagi baxxi li qed jitħallsu f’Malta.

Il-European Economic Forecast ikkonferma dan kollu hekk kif l-Erbgħa żvela li l-pagi f’Malta mhux qed jiżdiedu b’rata magħġla – tant li pajjiżna jinsab l-aħħar fost il-pajjiżi membri tal-UE.

Fil-fatt, mill-aħħar statistka joħroġ li r-rata taż-żieda tal-pagi kienet ta’ 1.5% filwaqt li f’pajjiżi oħra Ewropej kellhom rata ta’ żieda ferm għola, bħall-pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa –  bir-Rumanija, per eżempju, tgawdi minn 20.2% fir-rata ta’ żieda fil-pagi.

Malta tniżżlet ukoll l-aħħar fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn tidħol dik li tissejjaħ compensation per employee, li bażikament tfisser it-total tal-paga qabel tinqata’ t-taxxa li titħallas minn min iħaddem lill-impjegati meta tikkumpara t-tip ta’ xogħol li jsir. Hawnhekk, Malta mhux talli ma kellix riżultat pożittiv, talli ir-rata timmarka tnaqqis ta’ 4 fil-mija.

Fejn jidħol l-ammont totali ta’ jobs…. Malta rat żieda ta’ 3.7% f’impjiegi ġodda. Għalkemm kollox qed jindika li ħafna minn dawn l-impjegati qed jitħaddmu biċ-cheap labour.

Intant, it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna jidher li din is-sena ħa daqqa ta’ ħarta ‘l isfel hekk kif filwaqt li fl-2022 rajna żieda ta’ 6.9%, din is-sena qed ikun imbassar li dan il-persentaġġ se jinżel għal 4%.