Fl-20 ta’ Ġunju tal-1898 fetaħ l-ewwel Każin tal-Banda f ’Raħal Ġdid bl-inizjattiva tal-Kjeriku Dun Carm Bologna li kien ir-Rettur tal-knisja ta’ Sant Ubaldeska. Isem il-Banda kien ‘Gran Maestro Fra Antonio De Paula’; isem li matul dawn l-aħħar 125 sena inqaleb għall-Malti iżda essenzjalment ma inbidilx. F’Jannar tal-1993, tletin sena ilu, f’ seduta ġenerali straordinarja kien ġie deċiż li s-Soċjetà tkun dedikata lil Kristu Re u għalhekk minn dak inhar is Soċjetà ħadet l-isem ta’ Soċjetà Filarmonika G.M. Fra Antoine De Paule Banda Kristu Re.
Wara xi snin ta’ mistrieħ, il-Banda reġgħet qamet fl-1910 u minn dak iż-żmien ’l hawn baqgħet attiva saħansitra fiż-żmienijiet diffiċli taż-żewġ gwerer u l-pandemija qattiela Spanjola. L-għanijet tas-Soċjetà baqgħu ma inbidlux – primarjament it-tagħlim tal-mużika u s-sehem tal-Banda f’ festi u attivtajiet kulturali kemm f’ Raħal Ġdid kif ukoll f’ibliet u rħula madwar Malta. Fl-aħħar kwart tas-seklu li għadda il-Banda firxet ukoll l-attività tagħha lil hemm minn xtutna u daqqet f’pajjiżi bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstrija, l-Ungerija, il-Ġermanja u Franza.
Il-Banda Kristu Re kellha diversi suċċessi kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali. F’Jannar tal-1988 il-Banda rebħet Il-Konkors Nazzjonali għall-Baned Maltin. F’ Novembru 1994 il-Banda ikklassifikat l-ewwel fl-International Brass and Woodwind Festival organizzat mill-Ministeru taż-Żgħażagħ u Kultura. Sa minn Novembru 1992, il-Banda tellgħet programmi mużikali annwali ta’ livell għoli ħafna – attività li daħlet fil-kalendarju kulturali tas-Soċjetà
Matul dawn l-aħħar 125 sena s-Soċjetà dejjem kellha relazzjoni mill-viċin mal-knisja. Wara l-qawmien mill-ġdid tal-Banda, kellha sehem principali fit-twaqqif tal-parroċċca u fiċ-ċelebrazzjoni tal-festa titulari. Il- Banda kienet tgħin bil-kbir għall-ġbir ta’ fondi biex inbniet il-knisja u kienet ukoll attur principali fiċ-ċelebrazzjoni tal-festa. Din ir-relazzjoni baqgħet dejjem b’saħħitha sal-lum. Din ir-rabta sabet il-quċċata tagħha fl-2016 bl-għoti lill-parroċċa tal-istatwa meraviljuża ta’ Kristu Re biex tkun il-vara titulari ġdida.
Kien għalhekk li fl-okkażżjoni ta’ għeluq il-125 sena mit-twaqqif tagħha, s-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule – Banda Kristu Re – A.D. 1898 għażlet li tagħmel kunċert mużikali fil-Bażilka ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid taħt il-patroċinju distint ta’ George Vella, il-President ta’ Malta.
Il-Banda Kristu Re se tkun taħt it-tmexxjia tas-Surmast Chev David Joseph Sammut. Se jindaqqu siltiet ta ’mużika li filwaqt li hija addatata biex tindaqq fil-knisja, hija ukoll tal widna u tippermetti l-espressjoni tal- kapaċita tal-mużiċisti tal-Banda. Jiehu sehem ukoll l-orgni tal-Bażilka. Fost il mużika li se tindaqq insibu xogħolijiet ta’ Colombier, Mangani, Morricone, De Haan, Vangelis, Lloyd Weber Handel, Mascagni u oħrajn. Se jindaqqu biċċiet tal-mużika minn solisti li t-talent mużikali tagħhom inżera’ fi ħdan is-Soċjetà. Tkanta s-Sopran Ruth Sammut Casingena.
Dan il-kuncert, Concentus Rei, se jsir nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Novembru fis-7.30 ta’ filgħaxija u kulħadd huwa mistieden. Id-dħul huwa b’xejn, minħabba li hemm diversi mistednin distinti.
Kulħadd mitlub ikun bilqiegħda sas-7.15 ta’ filgħaxija.
//= $special ?>