Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

L-isfreġju fil-Mosta: Erba’ snin biex is-siġar jiġu kif kienu

Id-deċiżjoni li tieħdet dwar is-siġar tal-Mosta tikkonferma n-nuqqas ta’ pjannar mill-Gvern ta’ Robert Abela – turija ċara tal-mod kif qed isiru l-affarijiet f’pajjiżna.

Hekk sostna l-ambjentalista Alfred Baldacchino, li għal snin twal serva fid-Direttorat tal-Ambjent. Dan meta l-Erbgħa filgħaxija kien interistat waqt il-programm NetLive.

Waqt dan il-programm, Alfred Baldacchino stqarr li l-ERA illum hija maħkuma. U d-deċiżjoni li ħadet dwar is-siġar tal-mosta kienet deċiżjoni politika.

Il-u-turn li tħabbret f’nofs il-ġimgħa kienet milqugħa minn bosta. Madanakollu l-ħsara diġa’ saret, hekk kif is-siġar …. fi kliem Alfred Baldacchino … ‘tbiċċru’ b’mod li ma kienx professjonali.

Ritratt: Matthew Tabone

L-istess espert spjega li issa s-siġar irridu bejn tlieta snin u erba’ snin oħra sabiex jiġu fl-istat li kienu fih qabel. U allura, fadal snin sakemm il-pjazza tal-Mosta terġa’ tħaddar.

Barra minn hekk it-tqaċċit bl-adoċċ tal-friegħi ħalla ukoll impatt ħażin fuq il-bio diversita….hekk kif diversi għasafar protteti bil-liġi spiċċaw mingħajr post fejn jorqdu.

Intant l-Erbgħa filgħaxija…fl-attivita’ imsejjħa mill-Moviment Graffitti, ħareġ ċar is-sens ta’ diżappunt u rabja li għandhom ir-residenti tal-Mosta għal-Kunsill Lokali u s-Sindku Laburista Chris Grech. Bl-appell ta’ dawk preżenti ikun wieħed ċar: l-awtoritajiet iridu jibdew jiffunzjonaw, u jħarsu l-ġid taċ-ċittadini u l-ambjent ta’ madwarna.

Il-Moviment Graffitti u r-residenti kkundannaw ukoll l-aġir tal-ERA, l-awtorità ambjentali illi suppost tissalvagwardja l-ambjent, iżda li din id-darba aċċettat illi jsir it-tqaċċit ta’ siġar tal-ficus, illi huma protetti bil-liġi.

Tags