L-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, David Cameron, fl-aħħar sigħat iltaqa’ fi Kiev mal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky. Ir-Renju Unit hu l-akbar alleat tal-Ukreni fil-gwerra tagħhom mar-Russja u l-laqgħa kienet partikularment importanti fid-dawl tal-kariga ġdida ta’ Cameron li, jiem ilu, kien ikkonfermat bħala Ministru ġdid għall-Affarijiet Barranin fir-reshuffle tal-Kabinett Britanniku.
Cameron, waqt il-laqgħa, ikkonferma li r-Renju Unit se jkompli jappoġġja lill-Ukrajna għaż-żmien kollu li hemm bżonn minn aspett morali, ekonomiku u diplomatiku — kif ukoll mil-lat ta’ armamenti — biex l-Ukreni jirreżistu aħjar lill-qawwiet Russi f’arthom.
Min-naħa tiegħu, Zelensky irringrazzja lil Cameron għall-għajnuna tal-Britanniċi lil pajjiżu waqt li – f’referenza indiretta għall-gwerra fil-Lvant Nofsani — wissa li d-dinja ma taffordjax li titlef il-konċentrazzjoni fuq dak li għaddej bħżalissa fl-Ukrajna.
Zelensky u Cameron, waqt il-laqgħa, iddiskutew anki l-produzzjoni tal-armi u s-sigurtà fil-Baħar l-Iswed – bil-Ministru Britanniku ( li issa telaq lura lejn ir-Renju Unit) jenfasizza li pajjiżu għandu jkompli jkun spalla għall-Ukreni huma u jiffaċċjaw il-gwerra tax-xitwa relatata mal-invażjoni illegali tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.
//= $special ?>