Internazzjonali Lokali

Laqgħa pożittiva bejn il-Kap tal-PN u l-ambaxxatur tal-Palestinjani f’Malta

Deskritta bħala laqgħa pożittiva dik bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u l-ambaxxatur tal-Palestinjani f’Malta, Fadi Hanania – laqgħa li saret il-Ħamis fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Iż-żewġ naħat iltaqgħu, hekk kif preżentament għadu għaddej il-ġlied fil-Lvant Nofsani; liema gwerra diġa’ ħalla eluf ta’ ċittadini Palestinjani u Iżraeljani mejtin.

Ma’ Net News, Bernard Grech spjega kif din il-laqgħa saret sabiex jiġi diskuss x’għandu jkun il-pass ‘il quddiem f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli ferm.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kelliem tal-PN għall-Affarijiet Barranin, Beppe Fenech Adami, u s-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea.

Il-ġlied f’dan ir-reġjun kien faqqa’ fis-7 t’Ottubru meta l-Hamas kien wettaq sensiela ta’ attakki koordinati fin-naħa t’isfel ta’ Iżrael.

Minn dak il-jum, l-attakki miż-żewġ naħat ma qatgħu xejn tant li eluf ta’ ċivili tilfu ħajjithom, b’oħrajn sfurzati jaħarbu lejn zoni oħra aktar siguri lejn in-nofsinhar tat-territorju Palestinjan.