Internazzjonali

IL-GWERRA F’GAZA: Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti imfassla minn Malta issejjaħ għal “pawżiet umanitarji”

Qed jissejħu pawsiet umanitarji – fi kliem sempliċi, waqfien estensiv iżda mhux komplet għall-attakki li għaddejin fil-Lvant Nofsani. Dan sabiex jitwasslu l-provvisti, u tkun tista’ tidħol għajnuna umanitarja f’Gaza għal dawk l-aktar fil-bżonn; partikolarment it-tfal.

Hija din ir-riżoluzjoni li ġiet imfassla minn Malta u li tressqet fil-Kunsill tas-Sigurta’ tan-Nazzjonijiet Uniti; riżoluzzjoni illi issejjaħ biex b’mod urġenti jiġi estiż il-perjodu ta’ pawsiet umanitarji fil-Medda ta’ Gaza ħalli fil-jiem li ġejjin jingħata l-aċċess li hemm bżonn.

Il-pożizzjoni li ħadet Malta kienet imfaħħra fuq livell internazzjonali. Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jistqarr illi laqa’ din ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti, illi tfasslet mir-rappreżentanta Maltija Vanessa Fraizer.

Ir-riżoluzzjoni li ressqet Malta insistiet ukoll fuq il-ħtieġa li jinħelsu immedjatament l-ostaġġi kollha li spiċċaw taħt idejn il-Hamas.

Din r-riżoluzzjoni ta’ Malta għaddiet bi 12-il pajjiż jivvutaw favur. L-Amerika, ir-Russja u r-Renju Unit astjenew. Ebda pajjiż ma vvota kontra.

Din kienet l-ewwel riżoluzzjoni li titratta l-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestinjani, sa mill-2016. U l-ewwel riżoluzzjoni minn mindu faqqgħet din il-gwerra x-xahar li għadda.

Malta qed tipparteċipa għal perijodu ta’ ftit xhur f’dan il-Kunsill tas-Sigurtà grazzi għal applikazzjoni li kien issottometta Gvern Nazzjonalista, lura fl-2010.