l-President Metsola tilqa’ familji ta’ nies li nqatlu f’Gaża u qraba ta’ ostaġġi miżmuma mill-Hamas.
L-Awtorità Palestinjana faħħret l-isforzi tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola biex tinstab triq ‘il quddiem għal paċi u stabbiltà dejjiema fil-Lvant Nofsani.
Fi stqarrija, l-Awtorità Palestinjana esprimiet l-apprezzament tagħha għall-President Metsola għall-ħidma tagħha lejn “orrizont politiku kredibli, bil-għan li tkun implimentata soluzzjoni ta’ żewġ stati” u tfaħħar l-impenn tagħha lejn il-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ħarsien tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.”
L-Ambaxxatur Adel Atieh, mill-Missjoni tal-Istat tal-Palestina għall-Unjoni Ewropea, tenna wkoll il-gratitudni tiegħu lejn il-President tal-Parlament Ewropew għall-impenn tagħha mal-qraba tal-familji maqtula f’Gaża.
Matul l-aħħar jiem, il-President Metsola kellha laqgħat ma’ rappreżentanti reġjonali, fosthom ir-Re tal-Ġordan, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Iżraeljan, l-Awtorità Palestinjana, l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Għajnuna u x-Xogħlijiet għarRefuġjati tal-Palestina (UNRWA) – kif ukoll ma’ familji ta’ ostaġġi li qed jinżammu mill-Hamas u ma’ qraba tal-vittmi f’Gaża, fi sforz biex tinstab triq ‘il quddiem.
Il-President Metsola esprimiet is-solidarjetà tagħha u tal-Parlament Ewropew mal-vittmi innoċenti u appellat għal pawża mill-ġlied biex l-għajnuna umanitarja tidħol f’Gaża. Hija sejħet għall-ħelsien ta’ dawk miżmuma ostaġġi, saħqet dwar il-ħtieġa urġenti biex ikun hemm di-eskalazzjoni u biex il-liġi internazzjonali tkun rispettata, filwaqt li għandha tingħata perspettiva reali għall-paċi fir-reġjun.
Nhar l-Erbgħa, l-Parlament Ewropew se jkollu dibattitu dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża, l-ħtieġa li jinħelsu l-ostaġġi u biex ikun hemm sejħa biex ikun hemm ftehim umanitarju immedjat li jwassal għall-waqfien mill-ġlied, u l-prospett li jkun hemm il-paċi fil-Lvant Nofsani.
Ir-rappreżentant tal-Awtorità Palestinjana fl-Unjoni Ewropea, l-Ambaxxatur Adjel Atieh personalment irringrazzja lill-President Metsola. “Din hija t-tieni darba li laqgħetni personalment f’20 jum. Dan huwa apprezzat ħafna, u llum laqgħet ukoll lill-familji minn Gaża. Hija semgħethom. Hija esprimiet il-kondoljanzi tagħha lill-familji u enfasizzat b’mod speċjali dwar il-ħtieġa li l-għajnuna umanitarja titħalla tasal f’Gaża.”
Il-President Metsola reġgħet saħqet dwar l-importanza li l-Ħamas jitwaqqaf biex Gaża tkun iggvernata mir-rappreżentanti leġittimi tal-poplu Palestinjan.
Il-President Metsola ltaqgħet mal-familji ta’ dawk maħtufa mill-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru, li ilhom miżmuma ostaġġi minn dakinhar. Qalet li l-Unjoni Ewropea se tkompli tagħmel dak kollu possibbli biex iġġibhom lura d-dar u saħqet li t-terrur ma jistax jiġi skużat jew ġustifikat.
Il-President Metsola sostniet mill-ġdid li l-Ħamas m’għandux jitħalla jopera b’impunità u li dan il-grupp terroristiku ma jirrapreżentax l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Iżrael Eli Cohen irringrazzja lill-President Metsola u lill-Parlament Ewropew għall-impenn tagħhom biex jaraw lill-ostaġġi kollha jinħelsu u jerġgħu lura għand il-familji tagħhom.
Matul il-jiem u l-ġimgħat li ġejjin, il-President Metsola se tkompli bl-impenn tagħha fir-reġjun f’isem il-Parlament Ewropew. Il-President Metsola se tkompli ssejjaħ għal soluzzjoni ġusta li permezz tagħha ż-żewġ Stati jkunu jistgħu jgħixu fil-paċi ħdejn xulxin: waħda fejn Iżrael ikun jista’ jgħix b’mod sikur u fejn tista’ tingħata perspettiva reali lill-poplu Palestinjan.
//= $special ?>