Għada tingħata l-aħħar tislima lil Doris Camilleri meqjusa bħala waħda mill-plejers ewlenin fl-istorja tal-Bowling f’pajjiżna li mietet fl-età ta’ 72 sena.
Doris Camilleri kienet protagonista bejn is-snin 80 u s-snin 90 f’kompetizzjonijiet ewlenin tat-ten pin bowling kemm f’pajjiżna kif ukoll fix-xena internazzjonali.
Hija rebħet il-Kampjonat Nazzjonali tal-Malta TenPin Bowling Association tmien darbiet, ħames edizzjonijiet konsekuttivi bejn l-1982 u l-1986 u tlett kampjonati oħra fl-1993, 1995 u 2003.
Fil-Kampjonat tal-Mediterran fl-1999 Camilleri kisbet il-midalja tal-fidda fid-doubles flimkien ma’ Sue Abela u rebħet il-midalja tad-deheb fl-istess kompetizzjoni fil-kategorija tat-timijiet.
Fl-2001 rebħet midalja tal-bronż fis-singles, oħra tal-bronż fid-doubles ma’ Sue Abela u midalja tal-fidda fl-All Events.
Fl-2003 rebħet deheb fid-doubles għal darb’oħra ma’ Sue Abela u bronż fit-Team Event. Bosta drabi nominata u finalista fl-Għażliet Sportivi Nazzjonali fejn fl-edizzjoni tal-1985 kienet runner-up fl-Isportiva tas-Sena.
//= $special ?>