Lokali Qorti

18-il xahar ħabs fuq theddid fil-konfront ta’ żewġ kuntistabbli

Idris Negmedin ta’ 23 sena mis-Sudan u li f’Malta huwa residenti fiċ-ċentru tal-immigrazzjoni f’Ħal Far ġie kundannat 18-il xahar ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li fl-14 ta’ Ottubru, fi Triq ir-Repubblika – fil-Belt Valletta, hedded żewġ kuntistabbli tal-pulizija, li ħebb għalihom, għamel ħsara fil-vettura tal-pulizija, m’obdiex ordnijiet tal-pulizija u li kiser il-paċi pubblika.

Fil-Qorti, ż-żagħżugħ ammetta l-akkużi kontrih u qal li jiddispjaċih ħafna ta’ li għamel. Huwa ammetta li wettaq dawn ir-reati fl-4.30pm. Ammetta li għamel offiża fuq il-kuntistabbli Clint Borg u l-kuntistabbli Mervyn Borg.

Il-prosekuzzjoni qalet li hi ma ressqitx lill-akkużat qabel għax huwa kien jinsab għall-kura. Il-Qorti kkundannatu għal 18-il xahar ħabs u nfurmatu li jekk joqgħod bil-għaqal jagħmel minn 12-il xahar. Wara li semgħet lill-partijiet jgħidu li dan l-aħħar l-akkużat kien fit-taqsima forensika tal-isptar Monte Carmeli, l-Qorti irrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex iħares sew l-aħjar interessi tal-ħati.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Rizzo u Daryl Borg. L-Avukat Leontine Calleja kienet l-avukat tal-għajnuna legali għall-akkużat.