Lokali

Dwar it-tibdil fil-klima: Sitwazzjoni prekarja bil-Gvern jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu – PN

Malta rreġistrat l-ogħla żieda fl-Unjoni Ewropea fl-emmissjonijiet fl-arja f’nofs emerġenza tal-klima

Malta għadha kemm irreġistrat l-ogħla żieda fl-Unjoni Ewropea fl-emmissjonijiet fl-arja. Dan il-fatt hu inkwetanti ħafna, speċjalment f’pajjiż li għandu fost l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa. 78% tal-Maltin jinsabu mħasbbin ukoll minħabba r-rabta bejn il-kwalità tal-arja u mard respiratorju, bħall-ażma.

Dan sostnietu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Eve Borg Bonello permezz ta’ stqarrija.

Dan ir-rapport jagħti stampa ċara dwar kif dan il-Gvern qed ifalli milli jieħu azzjoni fuq il-klima, meta pajjiżi oħrajn kapaċi jkabbru l-GDP tagħhom filwaqt li wkoll inaqqsu l-emmissjonijiet. Malta, bħala pajjiż li jaf jkun wieħed mill-pajjiżi l-aktar affettwati mill-kriżi tal-klima, għandha tkun eżempju u fil-quċċata tat-tmexxija tal-ġlieda kontra l-kriżi tal-klima, kif qal Robert Abela s-sena li għaddiet, iżda l-fatti juru l-oppost.

Ninsabu f’sitwazzjoni prekarja, fejn il-Gvern għandu obbligu jkun konkret u jiġġieled il-kriżi tal-klima għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni.

Minflok naqtgħu il-ftit siġar li fadlilna u nibnu f’kull rokna ħadra ta’ pajjiżna, Malta għandha bżonn aktar siġar u spazji ħodor speċjalment fi spazji urbani u mhux riġenerazzjoni ta’ erba’ ġonna eżistenti u maqtugħin mill-komunità. Barra minhekk, il-Gvern irid jieqaf jinċentiva prassi li huma l-oppost tas-sostenibbiltà u jaħseb minflok f’investimenti aktar fit-tul.

Iżda ma tistax tistenna wisq minn Gvern li anke l-erba’ siġriet li għad fadlilna qed iqaċċat.