Internazzjonali

Gaza: “Ostaġġi miżmuma fi sptar” – il-Hamas jiċħad li hemm network terroristiku taħt l-art

Iżrael qed ikompli jirreferi għall-‘indikazzjonijiet kbar’ li numru ta’ ostaġġi Iżraeljani qed jinżammu mill-Ħamas fl-isptar ta’ Al-Shifa – l-akbar sptar f’Gaza li qed jingħad li nbidel f’ċentru għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet mit-terroristi.

Is-suldati Iżraeljani li fl-aħħar jiem infiltraw il-kumpless qed ikomplu jiġġieldu l-battalji mal-fanatiċi tal-Ħamas fid-diversi sezzjonijjiet tal-isptar u meta tal-Ħamas komplew jiċħdu l-akkużi li qed jibbażaw fuq ‘network militari’ taħt l-artijiiet tal-isptar.

Iżda l-Gvern Iżraeljan jisħaq li għandu ‘il-provi konkreti’ li l-Kapijiet terroristi kienu qed jużaw dik il-faċilità bħala refuġju u sakemm huma ħarbu ladarba l-qawwiet Iżraeljani avviċinaw l-inħawi.

U waqt li fl-Ewropa qed ikomplu l-protesti biex Iżrael jieqaf mill-assedju fuq Gaza, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li l-militar ta’ pajjiżu wissa kemm-il darba lill-awtoritajiet fl-isptar ta’ Al-Shifa biex jittrasferixxu lill-pazjenti ‘il hinn mill-kumpless. Hu spjega wkoll li l-Iżraeljani ‘qed jippruvaw jiġġieldu gwerra waqt li fl-istess ħin jirrispettaw il-valuri umani’.

Sadanittant, il-militar Iżraeljan qal li s-suldati tiegħu sabu l-katavri ta’ żewġ ostaġġi Iżraeljani li kienu nħatfu waqt ir-rejds ta’ Ottubru mill-Ħamas. Il-vittmi huma suldat ta’ 19-il sena u anzjana ta’ 65 sena li ntlemħet mit-truppi li kienu għaddejjin bi tfittxija tal-inħawi fil-madwar tal-isptar ta’ Al-Shifa.