Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, waqt diskors dwar il-vittmi tal-gwerra fil-Medda ta’ Gaza, qal li t-terroristi tal-Ħamas jaħtu għat-telf ta’ ħajja fost ir-residenti ċivili fit-territorju. Dan waqt li hu għamilha ċara li l-Ħamas qed jagħmel minn kollox biex jisfrutta u jkisser lill-poplu Palestinjan li ma jimpurtah xejn minnu.
Netanyahu sostna li l-Iżraeljani qed jippruvaw jimminimizzaw il-vittmi ċivili waqt l-azzjonijiet militari f’Gaza iżda mhumiex jirnexxilhom minħabba li l-Ħamas qed jikkumplikawlhom l-isforzi huma u jżommu liċ-ċivili bħala ostaġġi taċ-ċirkustanzi.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, waqt intervista lil CBS News, qal li l-Ħamas anki qed jisparaw lejn iċ-ċivili Palestinjani li qed jippruvaw jaslu f’zoni ta’ Gaza li huma aktar sikuri.
Mindu bdiet il-gwerra f’Gaza fis-7 ta’ Ottubru mietu ‘il fuq minn 12,000 fit-territorju. Sadanittant, l-Iżraeljani mhumiex beħsiebhom jieqfu mill-offensiva fuq tal-Ħamas waqt li qed jivvendikaw ruħhom għall-massakri tal-familji taħt idejn it-terristi li fis-7 ta’ Ottubru invadew Iżrael bi skopijiet ta’ ġenoċidju.
Il-kwistjoni tal-għexieren ta’ ostaġġi Iżraeljani maħtufin mill-Ħamas, sadanittant, qed tkompli tqanqal rabja kbira fost it-Tmexxija u l-militar ta’ Iżrael.
Min-naħa tiegħu, Netanyahu qed jinsisti li Iżrael se jipprova jelimina lit-terroristi f’Gaza waqt li jimminimizza kemm jista’ l-imwiet fost iċ-ċivili Palestinjani li r-residenzi tagħhom – flimkien mal-isptarijiet – spiċċaw daqslikieku bażijiet tal-Ħamas.
L-ajruplani tal-Iżraeljani qed ikomplu jitfgħu l-fuljetti għal fuq iz-zoni residenzjali ta’ Gaza fost it-twissijiet biex iċ-ċivili jabbandunaw l-inħawi — iżda l-Ħamas xorta qed iżommu liċ-ċivili fejn qegħdin fost it-theddid li jisparawlhom jekk jippruvaw jiċċaqalqu minn posthom.
Benjamin Netanyahu kompla li l-Ħamas anki fetħu n-nar fuq ‘l-aċċessi tas-sigurtà’ li l-Iżraeljani organizzaw għaċ-ċivili ta’ Gaza – u bħala aġir li jenfasizza l-politika tal-Ħamas għal ‘terrur assolut’.
//= $special ?>