Ambjent Lokali

Il-proġett Agrihub se jirrivoluzjona s-settur agrikolu

Ritratt: Martin Agius

Il-Proġett Agrihub fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura li tnieda fl-2020 kien ta’ suċċess hekk kif f’kull aspett ħareġ bħala pijunier lokali fl-avvanz tal-innovazzjoni fis-settur Agrikolu.

Il-pedament tal-proġett beda bi studju li jinkludi l-analiżi tal-letteratura dwar pesti lokali, b’kollaborazzjoni wkoll tal-kompetenza teknika tal-imsieħba tal-proġett, Ciheam Bari u l-MCAST. Minbarra li twettaq studju dwar l-agrikoltura Maltija, l-Agrihub involva wkoll il-parteċipazzjoni ta’ madwar 400 bidwi fi stħarriġ iddettaljat, u permezz ta’ dan inġabret informazzjoni imprezzabbli dwar prattiċi ta’ kultivazzjoni u esperjenzi diretti mal-pesti.

Wieħed mill-għanjiet prinċipali tal- Agrihub kien li jistabbilixxi netwerk ta’ stazzjonijiet ta’ monitoraġġ mgħammra b’kapaċitajiet tal-intelliġenza artifiċjali u machine learning. Il-bdiewa li kienu qed jipparteċipaw f’dan l-istudju, bdew iħajru anki lil bdiewa oħra u b’hekk il-parteċipazzjoni attiva tal-bdiewa f’din l-inizjattiva żdiedet maż-żmien.

Din is-sistema, dalwaqt se tagħti s-setgħa lill-konsulenti ta’ Agriconnect biex jiggwidaw lill-bdiewa dwar l-aħjar strateġiji ta’ protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’, billi jitnaqqas l-użu eċċessiv tal-pestiċidi filwaqt li l-Agrihub jinsab minn ta’ quddiem, u lest biex jwitti t-triq għall-futur tas-settur agrikolu żgħir fil-gżejjer Maltin.