Għawdex Lokali

“Irridu nipproteġu l-wirt dinji li għandna” – Bernard Grech

“Il-Ġgantija u siti oħra li jitqiesu bħala wirt dinji huma importanti ħafna għal pajjiżna u għalhekk irrid naraw illi dawn ma jintilfux minħabba nuqqas ta’ azzjoni minn min huwa obligat li jħares dawn is-siti.”

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara fiz-zona tat-tempji megalitiċi tal-Ġgantija. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet ħarġet l-aħbar li se jsir żvilupp ta’ bini f’din iz-ona tant importanti għall-istorja ta’ pajjiżna u li saħansitra hija imħarsa mill-UNESCO.

Bernard Grech saħaq li dan il-permess skandaluż huwa konferma oħra li l-Awtorità tal-Ippjanar saret Dipartiment tal-Permessi filwaqt li s-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali ġiet imdgħajfa mill-Gvern f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella mill-ġdid kemm lill-Gvern ta’ Robert Abela kif ukoll l-awtoritajiet sabiex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa immedjatament u jeliminaw kull riskju li jista’ jkun ikkawżat minn kull tip ta’ żvilupp f’din iż-żona ta’ protezzjoni dan filwaqt li jassiguraw it-tgawdija sħiħa ta’ siti ta’ wirt nazzjonali.

Bernard Grech fakkar ukoll f’dak li qalet l-ICOMOS illi saħqet li l-Gvern għandu jġib l-interess pubbliku u l-wirt nazzjonali qabel l-interess privat – għaliex żvilupp bħal dan kapaċi jkollu riperkussjonijiet mill-aktar serji.

Intant, aktar tard matul il-jum tal-Ġimgħa, Bernard Grech kellu laqgħa mal-Kumitat Reġjonali fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fin-Nadur Għawdex.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, Chris Said, Julia Zahra kif ukoll Stanley Zammit.