“Is-settur tal-agrikoltura u l-ħarsien tal-annimali huma żewġ oqsma importanti għal pajjiżna u għalhekk il-Partit Nazzjonalista kommess li jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex dawn iż-żewġ setturi jkollhom dak kollu li jistħoqqilhom.”
Dan kien il-messaġġ tad-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina u Janice Chetcuti waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa filgħodu bil-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina jispjega illi l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda huma l-gwadjani naturali ta’ pajjiżna. U għalhekk għandhom bżonn l-għajnuna kollha possibli sabiex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod effiċjenti.
Madankollu, Toni Bezzina saħaq li l-Budget għas-sena d-dieħla kien wieħed xott ħafna, tant li s-settur tal-agrikoltura ngħata l-ġenb. Dan apparti li hemm bżonn aktar għajnuna fir-rigward tal-bdiewa u sajjieda żgħażagħ – u f’każ ta’ art pubblika dawn jingħataw prijorità.
Toni Bezzina ta ħarsa wkoll lejn għadd ta’ proposti tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-Agrikoltura fosthom li:
1. Li titwaqqaf mill-aktar fis l-Awtorità responsabbli mir-Raba’
2. L-istatus tal-bidwi jiġi definit darba għal dejjem permezz ta’ klassifikazzjoni tal-bdiewa fejn tkun implimentata sistema ġusta bl-istandard output ta’ kull bidwi.
3. L-eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni għandhom ikunu estiżi wkoll għal min għandu raba’ agrikola libera u franka
4. Kull bejgħ ta’ raba agrikola pubblika mill-Gvern għandna ssir mill-Awtorità l-ġdida u mhux mill-Awtorità tal-artijiet.
Minn naħa tagħha, l-Kelliem għall-Ambjent, ħolqien ta’ spazji ġodda kif ukoll il-ħarsien tal-annimali Janice Chetcuti qalet li f’dokument ta’ 110 paġni; 7 linji biss isemmu l-annimali, filwaqt illi saħqet li l-annimali għandhom jingħataw aktar importanza.
Janice Chetcuti qalet li Gvern Laburista ħa lill-pajjiżna 15-il sena lura hekk kif l-isptar tal-annimali li fetħu Gvern Nazzjonalista issa ilu magħluq minn Awwissu kawża tal-qtugħ tad-dawl.
Apparti minn hekk, hija fakkret li f’kull elezzjoni l-Labour iwiegħed ċimiterju tal-annimali – xi ħaġa li hija mixtieqa ħafna, iżda li baqgħet biss ħolma.
Hawnhekk, hija aċċennat li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex l-annimali jkollhom l-aqwa kundizzjonijiet.
//= $special ?>