Lokali

“Is-siġar huma essenzjali għall-benesseri tas-saħħa mentali” – Kamra tal-Psikologi

Filwaqt li d-dinja qed tiġi konxja dwar il-qerda ekoloġika – fi stħarriġ tal-Ewrobarometru ħareġ fid-deher li s-siġar f’Malta qed jonqsu biċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jistqarrew li huwa diffiċli jaċċessaw postijiet miftuħa, mgħonija bin-natura.

Dan saħqitu l-Kamra tal-Psikologi wara li fl-aħħar jiem bosta kienu rrabbjati għall-fatt li kienu se jitneħħew is-siġar mill-Pjazza tal-Mosta. Huma spjegaw li s-siġar jipprovdu mhux biss l-ossiġnu, u d-dell kenni imma wkoll benefiċċji psikoloġiċi.

Huma d-dar naturali tal-ħlejjaq, huma essenzjali wkoll għas-saħħa mentali taċ-ċittadini. L-MCP insistiet li s-siġar huma katina dejjiema bejn l-umani u n-natura, essenzjali għall-benesseri tas-saħħa mentali li fl-aħħar xhur rajna żieda qawwija ta’ sfidi b’rabta ma’ dan is-suġġett.

Il-preżenza tas-siġar fiż-żoni li nifrekwentaw tgħin sabiex tnaqqas l-istress u ttejjeb il-burdata ta’ dak li jkun. Dan għaliex meta persuna tkun esposta għan-natura jiżdidilha d-dopamina u l-“feel good factor”.

Dan filwaqt li bosta fil-komunità jħossu sens ta’ kburija kif ukoll rata inqas ta’ kriminalità. Il-Kamra tal-Psikologi spjegat li huwa evidenzjat ukoll li taħt is-siġar jiltaqgħu n-nies u għaldaqstant iwassal għal nuqqas ta’ solitudni.

Madanakollu l-MCP insistiet li mhux kulħadd għandu għal qalbu u jpoġġi fi prijorità lis-siġar u n-natura – filwaqt li kulħadd huwa intitolat għall-opinjoni tiegħu, l-MCP saħqet li s-soluzzjoni hija d-djalogu bil-għan li fl-aħħar mill-aħħar tirbaħ l-komunità u jitnaqqas il-kunflitt ta’ bejnietna.