Sport Waterpolo

Jinbidel il-pajjiż organizzattiv għall-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo

(Ritratt: LEN)

Il-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo tal-irġiel ġie kkonfermat li se jkun qed isir f’Dubrovnik u Zagreb fil-Kroazja bejn l-4 u s-16 ta’ Jannar. F’din l-edizzjoni se jerġa’ jikkompeti t-tim nazzjonali Malti, f’dik li se tkun il-ħames parteċipazzjoni konsekuttiva mal-aqwa 16 tal-Ewropa.

Oriġinarjament din l-edizzjoni kienet skedata f’Netanya fl-Iżrael iżda fl-aħħar ġimgħat kien hemm tħassib dwar kemm din l-edizzjoni setgħet timmaterjalizza minħabba l-inkwiet bejn l-Iżrael u l-Palestina.

Il-Kampjonat Ewropew tan-nisa se jsir f’Eindhoven bejn il-5 u t-13 ta’ Jannar. Din id-deċiżjoni se tħalli triq lejn kwalifikazzjonijiet għall-Kampjonati tad-Dinja f’Doha kif ukoll għall-Olimpjadi ta’ Pariġi s-sena d-dieħla.

Fl-ewwel reazzjoni wara l-konferma, il-President tal-LEN Antonio Silva wera l-kuntentizza tiegħu li rnexxielhom isibu soluzzjoni u rringrazzja lill-federazzjonijiet Kroati u Olandiżi li għamlu dak kollu possibbli biex dawn il-kampjonati jkunu jistgħu jiġu organizzati.