Raġel li llum għandu 37 sena minn Pembroke se jkollu l-każ tiegħu mismugħ mill-ġdid meta għat-tieni darba l-Qorti tal-Appell Kriminali annullat sentenza mill-Ewwel Qorti fuq każ li jmur lura 18-il sena. Gilmore Cachia kien ġie kundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sena wara li nstab ħati li ffalsifika u biegħ DVD’s u logħob tal-Play Station foloz minn fuq il-Monti tal-Belt, Valletta.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri qalet li ppruvat tagħmel l-almu tagħha sabiex ma ddewwimx aktar il-każ. Madankollu nnotat li s-sentenza mogħtija mill-Ewwel Qorti kienet tirrigwarda l-istess mertu kif ukoll l-istess partijiet bħas-sentenza li kienet tat oriġinarjament.
In vista ta’ dan, fuq il-prinċipju li l-ġustizzja mhux biss trid issir iżda trid tidher li qed issir il-Maġistrat li kienet qed tippresjedi l-Qorti tal-Maġistrati u li tat is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2021 li dwarha qed tingħata din is-sentenza kellha tastjeni minnha meta spiċċat lura għandha.
Dan qalet il-Qorti Kriminali peress li kienet l-istess Maġistrat li tat is-sentenza ta’ qabel, ċioè dik tal-20 ta’ Frar 2019 li ġiet dikjarata nulla mill-Qorti tal-Appell diversament preseduta. Ladarba kienet tastjeni, il-kawża kienet diġà assenjata lil Maġistrat ieħor.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Appell qalet li kienet qegħda tilqa’ l-ewwel talba ta’ Gilmore Cachia u għaldaqstant tirrevoka s-sentenza appellata u, biex ma tipprivax lill-partijiet mill-benefiċċju tad-doppju eżami, qed tirrinvija l-atti lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex l-appellant jerġa’ jitpoġġa fil-pożizzjoni li kien immedjatament qabel ma ġiet pronunzjata s-sentenza appellata u biex terġa’ tingħata sentenza
mill-ġdid skont il-liġi.
Gilmore Cachia kien mixli li offra għall-bejgħ 104 logħba falza u li sar reċidiv. Missieru, Martin, kien akkużat bl-istess mod iżda kien illiberat peress li għalkemm il-liċenzja għall-bejgħ fis-suq tal-Belt kienet taħt ismu ma kienx fuq l-istand meta l-pulizija għamlu rejd.
Il-Kummissarju tal-Pulizija kien rċieva kwerela fejn ġie allegat li fuq il-monti tal-Belt Valletta kienu qed jiġu offruti għal bejgħ numru ta’ DVDs, liema DVDs kienu qed jinbiegħu bi ksur tad-drittijiet intellettwali tagħhom.
Jirriżulta li saret raid fuq il-monti minn numru ta’ Pulizija u wieħed mill-persuni li saret investigazzjoni fuqu kien Gilmore Cachia. Hu lmenta li l-Ewwel Qorti hekk kif preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima ma setgħetx tiddeċiedi l-kawża hi minħabba li l-istess Maġistrat kienet diġa’ ippronunzjat ruħha fuq l-istess każ b’sentenza oħra li kienet ingħatat fl-20 ta’ Frar 2019.
Din is-sentenza kienet ġiet annullata permezz ta’ sentenza mogħtija wkoll mill-Qorti tal-Appell diversament preseduta fit-12 ta’ Diċembru 2019 b’liema sentenza terġa’ tispiċċa quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali.
Aktar qabel fl-20 ta’ Frar 2019 il-Qorti tal-Maġiistrati tat sentenza kontra Cachia fejn hu ġie kkundannat iħallas multa ta’ €2,300 u ġie kkundannat ukoll sitt xhur priġunerija li ġew sospiżi għal sentejn. Fit-12 ta’ Diċembru 2019 il-Qorti tal-Appell Kriminali annullat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati
bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali fl-20 ta’ Frar 2019. Għall-akkużat qed jidher l-avukat Roberto Montalto. L-Ispettur tal-Pulizija Helga Debono qed tmexxi l-prosekuzzjoni.