F’stqarrija maħruġa mil-Moviment Graffitti dawn krittikaw il-fatt kif waqt li l-Prim Ministru Robert Abela kien jinsab okkupat ifaħħar lilu nnifsu wara dik l-imsejħa ‘laqgħa pożittiva’ mall-attivisti waqt id-dimostrazzjoni fil-Mosta iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru tal-Ippjanar tiegħu kien mehdi jagħmel il-pjaċiri lill-istess żviluppaturi li huma responsabbli għall-qerda tal-ambjent.
Dan ħareġ wara li l-Gvern ippubblika l-Avviż Legali nru. 263 tal-2023, li jipprovdi estensjoni wiesgħa u mingħajr limiti għal tliet snin lill-applikazzjonijiet tal-ippjanar kollha li kienu ser jiskadu fi tmiem is-sena d-dieħla.
Huma saħqu kif Il-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż Legali seħħ mingħajr l-ebda konsultazzjoni pubblika u peress li avviżi legali m’għandhomx bżonn jiġu approvati fil-parlament qabel ma jidħlu fis-seħħ, il-Gvern effettivament qed juża dawn l-avviżi bl-iskop li jdaħħal fis-seħħ bidliet legali b’mod qarrieqi mingħajr ma jagħti wisq fil-għajn.
L-Moviment Graffitti ikkundannaw b’mod sħiħ din l-amnestija universali peress li ser sservi biss biex tiffaċilita żvilupp li jkun ilu pendenti għal snin twal, bl-iskuża pwerili li kien hawn ħafna proġetti li kellhom jieqfu minħabba li ġew interrotti l-linji ta’ produzzjoni madwar id-dinja filwaqt li żiedu kif żviluppaturi li ma kinux kapaċi mqar jibdew il-proġetti tagħhom fiż-żmien li jkun ingħata lilhom mill-liġi m’għandomx jiġu ppremjati b’estensjoni wiesgħa bħal din, u minflok imisshom jerġgħu jibdew il-proċess tal-ippjanar mill-bidu.
Dawn żiedu billi jgħidu ukoll kif evidentament trid tiġbed l-attenzjoni tal-Ministru tal-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, li s’issa qatta’ l-maġġoranza tat-tenura tiegħu bħala Ministru tal-Ippjanar jagħmel il-pjaċiri biex jikkuntenta bwiet sħabu filwaqt li naqas totalment milli jieħu azzjoni kontra l-eċċessi letali tal-industrija tal-kostruzzjoni.