Sport Sport Ieħor

Philippa Busuttil tirbaħ l-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ottubru 2023

Philippa Busuttil rebħet il-premju Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ottubru 2023.

Philippa Busuttil, li għandha 15-il sena, hija l-ewwel ġinnasta Maltija li rebħet midalja fil-Comegym Junior Mediterranean Artistic Gymnastics Championships. Din il-kompetizzjoni saret f’Istanbul, fit-Turkija bejn l-20 u t-22 ta’ Ottubru li għadda, bil-parteċipazzjoni ta’ atleti mill-Italja, Turkija, Eġittu, Alġerija, Ċipru u Ġordan.

Busuttil kellha wirja mill-aqwa fuq il-Balance Beam u kisbet il-midalja tal-fidda b’0.4 punti biss ‘il bogħod mir-rebħ tal-midalja tad-deheb.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ottubru 2023 kien ippreżentat lil Philippa Busuttil minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance.

F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance.