Pittura miżbugħa fuq ħajt mill-Artist rinomat Malti, Giuseppe Cali, li tinsab fit-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, qed tiġi restawrata permezz tal-appoġġ tal-Bank of Valletta. Il-proġett ta’ restawr jinkludi wkoll dekorazzjonijiet ta’ riliev fil-gesso minn Vincenzo Cardona.
It-Teatru Salesjan inbena bejn l-1907 u l-1908 fuq art mogħtija mill-filantropu Alfons Maria Galea., u fis-snin l-imgħoddi kien magħruf bħala l-Juventutis Domus. Il-proxxenju kien imżejjen fl-1910 b’żejt reminixxenti fuq pittura fuq il-ġebel bl-isem Il-Virtujiet tal-Umanità ta’ Giuseppe Calì.
Ernest Agius, iċ-Chief Operating Officer tal-Bank, żar it-teatru fejn il-proċess ta’ restawr, li qed isir minn Prevarti, il-konservaturi tal-arti, wasal biex jitlesta. Fil-kummenti tiegħu waqt din iż-żjara, Agius stqarr li “Il-Bank of Valletta huwa kburi li l-konservazzjoni u t-tgawdija tal-wirt storiku Malti huma parti integrali mill-aġenda ESG tiegħu. Il-wirt lokali huwa misluf lilna bħala l-ġenerazzjoni attwali, u huwa dmir tagħna li nagħmlu l-almu kollu biex nippreservawh bl-aħjar mod possibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.”
Kompla jsostni li “B’dan l-appoġġ, il-Bank of Valletta qed isaħħaħ l-impenn tiegħu bħala patrun ewlieni fil-preservazzjoni tal-wirt nazzjonali Malti filwaqt li jipprovdi wkoll involviment utli fl-għeruq tal-komunità Maltija. Huwa ta’ unur għall-Bank of Valletta li dan l-investiment se jkun qed iħalli wirt aħjar minn dak li writna”.
//= $special ?>