Forsi għadu mhux ċert jekk it-tim nazzjonali Taljan hux se jkun qed jikkwalifika għall-EURO 2024 hekk kif jinsabu fit-tielet post ta’ Grupp C b’10 punti, u jonqoshom żewġ logħbiet, illejla kontra l-Maċedonja ta’ Fuq u l-aħħar waħda kontra l-Ukrajna.
Iżda jekk it-Taljani ma jagħmluhiex għall-finali tal-EURO 2024, żgur li se jkun hemm rapreżentanza Taljani f’dawn il-kampjonati Ewropej hekk kif se jkun hemm minn tal-inqas erba’ kowċis Taljani li se jkunu qed imexxu nazzjonijiet oħra li għamluha għall-finali.
L-eks plejer ta’ Roma u Sampdoria fost oħrjan Vincenzo Montella f’Settembru li għadda nħatar kowċ tat-tim nazzjonali tat-Turkija wara t-tkeċċija tal-Ġermaniż Stefan Kuntz. Montella mexxa lit-Torok għal żewġ rebħiet, waħda ta’ 4-0 kontra l-Latvja u rebħa oħra importanti ta’ 1-0 kontra l-Kroazja, b’dawn iż-żewġ rebħiet jassiguraw kwalifikazzjoni għall-EURO 2024 bir-rebħ ta’ Grupp D.

Kowċ ieħor Taljan li se jkun qed imexxi nazzjon fil-Kampjonati Ewropew tas-sajf li ġej huwa l-kowċ tal-Ungerija Marco Rossi, ukoll eks plejer ta’ Sampdoria li lagħab ukoll fil-Ġermanja ma’ Eintracht Frankfurt. Rossi ilu kowċ tal-Ungerija sa mill-2018 u rnexxielu jmexxi lit-tim sal-EURO 2020 fejn minkejja li nqalgħu fil-fażi tal-gruppi, kellhom prestazzjonijiet mill-aqwa fi grupp iebes meta spiċċaw fi draw kontra Franza u l-Ġermanja iżda tilfu 3-0 kontra l-Portugall.

Suċċess ukoll għall-kowċ Taljan ieħor, Francesco Calzona, kowċ tas-Slovakkja li għamilha għall-fażi finali tal-EURO 2024 b’rebħa ta’ 4-2 kontra l-Iżlanda fejn assigura mit-tieni post fi Grupp J li intrebaħ mill-Portugall. Calzona nħatar kowċ tas-Slovakkja f’Lulju tal-2022, b’din tkun l-ewwel esperjenza tiegħu bħala kowċ wara li fil-passat kellu biss esperjenzi fl-Italja bħala assistent.

Fl-aħħar u mhux l-inqas insibu lil Domenico Tedesco, li fi Frar li għadda ħa post Roberto Martinez bħala kowċ tal-Belġju. Tedesco għandu 38 sena u qabel din l-esperjenza mexxa lil RB Leipzig u Schalke 04 fil-Ġermanja u lil Spartak Moskow fir-Russja. Il-Belġju assiguraw mill-kwalifikazzjoni f’Ottubru li għadda b’rebħa missielta ta’ 3-2 barra minn darhom kontra l-Awstrija.

Wieħed għad irid jistenna u jara jekk ma’ dawn l-erba’ ismijiet jingħaqadx il-kowċ tat-tim nazzjonali Taljan Luciano Spaletti hekk kif l-Italja jonqoshom żewġ konfronti importanti biex ikun determinat il-futur tagħhom fl-EURO 2024.
//= $special ?>