Lokali

TRAFFIKU: “Soluzzjonijiet? Ma jista’ jiġini xejn f’rasi”

Il-Gvern m’għandu ebda soluzzjoni għaż-żieda qawwija fit-traffiku

Ansjetà. Dewmien. Konġestjoni. Tniġġis. U aktar dewmien.

Biex tlesti traġitt minn post għall-ieħor, minn lokalità għall-oħra f’Malta saret sfida qawwija fejn jirrikjedilek tal-inqas siegħa biex tasal minn punt għal ieħor; bi traffiku kostanti ma jaqta’ xejn minn sbieħ il-jum sa tmiem il-ġurnata.

Bosta huma dawk is-sewwieqa li qed jiddeskrivu l-ġurnata tipika tagħhom moħlija f’dagħdigħa ta’ nervi, magħġuna f’kultura kosmopolitana tal-klaċċ u brejk.

Dan hekk kif iż-żieda eżorbitanti fil-popolazzjoni fl-aħħar 10 snin qed tixħet l-infrastruttura tal-pajjiż għarkupptejha – fatt li ċ-ċittadini qed jgħixuh ta’ kuljum, sfida li l-Gvern tal-Labour ġab huwa stess u ma jafx kif se jkun qiegħed isolvi.

Net News staqsa lil uħud mill-Membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela biex jagħtuna s-soluzzjonijiet li qed jaħdem fuqhom il-Gvern, bid-Deputat Alicia Bugeja Said tisħaq li diġà għamlu ħafna.

Iżda fl-istess waqt qaltilna li l-Gvern għad irid jaħseb f’xi pjan ieħor biex isolvi din il-problema.

Mill-banda l-oħra s-Segretarju Parlamentari Laburista Keith Azzopardi Tanti sostna li ma jista jaħseb f’xejn aktar ġdid għajr is-servizz ta’ Tal-Linja b’xejn li diġà ġie introdott.

Servizz li bl-aktar mod ċar mhux biżżejjed biex isolvi l-problemi li hawn fil-pajjiż relatati mat-traffiku – dan minkejja li anke fil-manifest elettorali kienu wiegħdu l-possibilità ta’ servizz ta’ metro…liema wiegħda tidher li se tibqa’ waħda magħmula għal populiżmu – intiża biss biex tiġbed il-voti.

Il-proġett tal-Malta Metro: l-istess proġett li Gvern tal-Labour jidher li issa qed jinjora kompletament.