Ir-Rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir u l-Kap tal-iskola Primarja patri Aaron Zahra u l-Kap tal-iskola Sekondarja Horace Gauci, flimkien mal-amministrazzjoni u l-istaff tal-kulleġġ, ippreparaw numru ta’ attivitajiet u okkażjonijiet biex matul din is-sena skolastika jiġi mfakkar il-75 sena anniversarju. Fost l-attivitijet f’dawn l-aħħar jumejn, ġew orgranizzati attivitajiet għall-istudenti kollha fuq it-tema: Komunità.
Il-Komunità hija waħda mill-pilastri tal-kariżma Dumnikana li din is-sena l-kulleġġ qiegħed jippromovi u jiddiskuti mal-istudenti. Il-Festa liturġika ta’ San Albert il-Kbir hija avveniment annwali għall-kulleġġ, imma din is-sena saru ċelebrazzjonijiet speċjali li matulhom il-kulleġġ qed ikompli jfakkar il-75 anniversarju.
Nhar il-15 ta’ Novembru, kull klassi kellha attivita’ edukattiva fuq it-tema tal-Komunità, kif ukoll mumenti ta’ rikreazzjoni u ċelebrazzjoni wkoll. It-tfal tas-sekondarja kellhom l-okkażjoni li jmorru jieħdu kolazzjoni flimkien fi stabiliment ġewwa l-Belt Valletta. L-istudenti kollha ingħataw ukoll ċertifikat tal-okkażjoni, biex jibqa’ tifkira ta’ din is-sena hekk speċjali. Il-membri tal-istaff kellhom ċelebrazzjoni flimkien ġewwa l-Maritime Museuem il-Birgu. Nhar is-16 ta’ Novembru l-Kulleġġ flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, organizzaw quddiesa kkonċelebrata fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, immexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.
Matul din il-quddiesa kkonċelebraw il-Provinċjal Vince Micallef, ir-Rettur tal-Kulleġġ Patri Aaron Zahra flimkien mal-Isqfijiet Dumnikani Pawlu Cremona, li huwa wkoll ex għalliem tal-Kulleġġ, u Monsinjur George Frendo li huwa ex rettur tal-kulleġġ. Magħhom ingħaqdu numru ta’ aħwa Dumnikani li jagħtu jew kienu jagħtu servizz fil-kulleġġ.
Fl-omelija Monsinjur Arċisqof fakkar li l-istudenti għandu jkollhom esperjenza li tgħallimhom iduqu tassew il-paċi bejniethom, b’mod speċjali fil-qalb tagħom: “ħobbu lil xulxin, agħdru lil xulxin, irrispettaw ħafna lil xulxin kemm lis-superjuri, lill-istaff, lill-għalliema tagħkom imma anke lil xulxin. U nippruvaw nilqgħu lil kulħadd, hu kif inhu, imma nitolbuh dejjem biex jiltaqa’ ma’ Ġesu’.”
Il-Provinċja Dumnikana flimkien mal-Kulleġġ San Albert il-Kbir ser ikomplu jfakkru dan l-anniversarju matul din is-sena skolastika, biex flimkien jagħrfu l-għeruq u l-bidu ta’ din il-missjoni, li qed ngħixuha fil-preżent, iżda l-iktar importanti, fejn irridu mmorru fil-futur. Fid-dawl ta’ dan kollu l-istudenti dejjem ser jibqgħu fiċ-ċentru u l-qofol ta’ kollox.
L-ewwel darba li l-Patrijiet Dumnikani missew direttament mal-ħidma edukattiva tat-tfal, kien proprju eżatt wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ġewwa l-Birgu. Dan minħabba li l-patrijiet kienu tilfu l-kunvent u l-knisja f’attakk mill-ajru u kienu ngħataw il-Palazz tal-Inkwiżitur biex jintuża bħala kunvent u knisja, bil-patt u l-kundizzjoni li l-patrijiet joffru t-tagħlim lit-tfal tal-Kottonera. Kienet deċiżjoni tal-Kunsill tal-Provinċja fl-1948, taħt it-tmexxija tal-Provinċjal Patri Joseph Gauci , li d-Dumnikani fetħu skola f’Malta u taw il-kontribut tagħhom fl-edukazzjoni.
Għalhekk il-Provinċja Dumnikana ingħatalha dak li kien “Flores College” ġewwa l-Belt Valletta u d-Dumnikani tawh l-isem ta’ “St. Albert the Great College”. Kien nhar is-16 ta’ Lulju tal-1948 li kien ġie konkluż il-ftehim tat-trasferiment tal-kulleġġ bejn il-Provinċja Dumnikana u l-Familja Flores. Il-ħidma tat-trasferiment u l-bidu tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir sar taħt it-tmexxija ta’ Patri Serafin Zarb, li kien inħatar bħala l-ewwel Rettur tal-Kulleġġ. Kien nhar it-2 t’Awwissu li d-Dumnikani irċievew l-approvazzjoni tal-Gvern Malti biex il-kulleġġ jibda jopera.
Id-Dumnikani bdew bit-tagħlim fil-kulleġġ il-ġdid tagħhom nhar l-4 t’Ottubru 1948. Din kienet l-ewwel sena skolastika tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir. Minn dakinhar ’l hawn, il-Kulleġġ kompla jikber u javvanza ’l quddiem, tant li llum huwa maqsum fi tlett setturi: dak tal-Kindergarten ġewwa l-Fgura, u s-setturi tal-Primarja u s-Sekondarja ġewwa l-Belt Valletta.