Lokali

Bernard Grech fost l-Għawdxin

Tul il-jum tas-Sibt, il-Kap tal-PN Bernard Grech iltaqa’ mal-kandidati Għawdxin għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fejn tkellem dwar l-importanza tal-ħidma tal-kunsilli lokali, u insista li l-għan tal-kunsillieri huwa li jaqdu lir-residenti kif ukoll lil-lokalità biex isiru proġetti bi pjan, bi ħsieb u b’konsultazzjoni.

Bernard Grech stqarr li jinsab sodisfatt bl-għażla li hemm – bejn kandidati ta’ esperjenza, oħrajn żgħażagħ, u kandidati ġodda li avviċinaw lill-Partit Nazzjonalista sabiex jagħtu sehemhom fil-lokalitajiet fejn trabbew u għexu.

Aktar tard, matul l-għodwa tas-Sibt, il-Kap tal-PN żar il-Housing Estate tar-Rabat Għawdex, magħrufa bħala Taċ-Ċawla, u tkellem ma’ diversi nies li jinsabu rrabjati ferm għall-Gvern ta’ Robert Abela, saħansitra dawk Laburisti stess. Dan għaliex minkejja l-oġġezzjoni u l-kontroversja li qajjem dan il-proġett, il-Gvern xorta waħda baqa’ għaddej bil-pjan tiegħu, bla ma ta widen l-ilmenti tar-residenti.

Bernard Grech żar ukoll id-dipartiment tal-Animal Welfare li jinsab fix-Xewkija, Għawdex, u tkellem mal-ħaddiema li jaħdmu f’dan id-dipartiment; dipartiment li spiċċa għarkuptejh u bla direzzjoni għaliex ilu jiem sħaħ mingħajr tmexxija.

Kaġun ta’ dan, is-servizzi ta’ emerġenza li kienu jingħataw 24 siegħa fil-ġimgħa għall-qtates u l-klieb mhumiex jiffunzjonaw kif suppost matul dan l-aħħar xahar.

Sadanittant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sab ħin ukoll sabiex jiltaqa’ man-nies tar-Rabat.

Dan hekk kif, hu żar Pjazza San Gorg qabel ma mexa mat-toroq tal-madwar, fejn żar diversi ħwienet u tkellem man-nies li kienu ghaddejjin minn hemm.

F’Għawdex, Bernard Grech kien akkumpanjat minn Deputati Alex Borg u Janice Chetcuti u Kandidati tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll membri tal-Kumitat Reġjonali u tal-Kumitat Sezzjonali tal-Belt Victoria.