Bħalissa għaddejja l-maratona ġbir ta’ fondi b’risq Caritas Malta f’għajnuna għal dawk il-persuni li jiġu bżonn is-servizzi tagħhom, fosthom dawk fis-solitudni u oħrajn ifittxu l-għajnuna sabiex joħorġu mill-vizzji.
Il-Maratona ta’ Mħabba, bl-isem ‘Jimpurtani’ – bdiet tixxandar is-Sibt fil-11 ta’ filgħodu u se tibqa’ għaddejja sal-11 ta’ filgħaxija, fuq l-istazzjonijiet kollha lokali, fosthom NET Television.
Waqt din il-maratona, spikka l-messaġġ ta’ Carmen – l-omm li spiċċat tilfet lil binha Lydon. F’messaġġ imqanqal hi rringrazzjat lil Caritas Malta talli dejjem kienu preżenti sabiex jgħinu lil binha.
Storja oħra li misset il-qlub tal-Maltin kienet l-istorja ta’ Charlie li bagħta s-solitudni għax tilef il-membri tal-familja tiegħu, inkluż il-kelb li tant kien iħobb, f’temp ta’ ftit xhur. Hu stqarr li tant kemm ħakmitu s-solitudni li spiċċa għamel karus biex ifaddal għall-funeral tiegħu stess.
Persuni li tkellmu waqt din il-maratona ta’ mħabba b’messaġġ ta’ tama, saħqu li l-Caritas tfisser ħafna mħabba u tagħlim.
Minħabba l-vizzji, numru ta’ persuni jispiċċaw jitilfu dak kollu li jkunu ħadmu għalih tul is-snin… u saħansitra jispiċċaw ibatu l-ġuħ, hekk kif il-flus jagħżlu li jonfquhom fuq il-vizzji.
Din is-sena Caritas Malta qed tiċċelebra l-55 sena mit-twaqqif tagħha, li matulhom dejjem rat li twassal u tindirizza l-ħtiġijiet tas-soċjetà; ħidma favur ġustizzja soċjali biex il-faqar ikun eradikat u l-emarġinati jkunu mgħejjuna b’kull mod possibli.
B’hekk, il-viżjoni ta’ Monsinjur Victor Grech tkompli tissaħħaħ b’voluntieri u professjonisti fil-qasam, kif ukoll ħidma li tiffoka b’mod speċjali fuq ir-rijabilitazzjoni terapewtika mill-abbuż ta’ droga … ħidma li tagħha Caritas Malta hi pijuniera.
//= $special ?>