Ilbieraħ ġiet iċċelebrata quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna għall-gradwati l-ġodda tal-MCAST fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta.

Fl-omelija l-Arċisqof ħeġġeġ lill-gradwati ġodda biex igawdu żgħożithom imma ma jaħarquhiex ħalli jgawduha u jarawha tiżviluppa f’maturità għarfa. Spjegalhom ukoll biex ma jibżgħux jagħtu ħajjithom għall-imħabba u li jkunu ta’ servizz għal ħaddieħor għax hekk biss isibu ħajjithom.

“Ġesù jitkellem dwar il-ġisem mejjet, li jattira lil-isqra. Jekk aħna nkunu soċjetà, magħmula min-nies – li jfittxu biss l-interessi tagħhom, li jidħlu fi professjoni, fil-politika, fis-servizz vokazzjonali, biex jagħmlu l-qligħ biss – minn soċjetà ħajja nsiru ġisem mejjet, noqtlu lil xulxin bir-regħba, u nattiraw l-isqra li jinġabru biex iqattgħuna biċċiet. Imma jiena u nħares lejkom, it-tama tiegħi hi li intom tkunu ġenerazzjoni li ma tibżgħux titilfu x-xefaq dejjaq tal-interessi personali, u f’kulma tagħmlu u tgħidu, taħsbu li tkunu ta’ servizz għal xulxin u għas-soċjetà,” qal l-Arċisqof.

Intant l-Arċisqof kompla jawguralhom li jkomplu jimmaturaw fil-professjoni jew is-sengħa li ppreparaw għaliha u li f’kulma jagħmlu jfittxu s-sewwa u jaħdmu għall-ġustizzja, waqt li temm jgħid li “Qegħdin ngħixu f’dinja ta’ vjolenza inawdita. Ejjew nitolbu, li aħna nkunu dawk, li mhux inqaċċtu s-siġar imma li nħawluhom”.
