Lokali

Ħidma sabiex it-tfal ikunu jafu id-drittijiet tagħhom

It-18 ta’ Novembru hija ġurnata assoċjata mal-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta’ abbuż u esplojtazzjoni sesswali; għaliex it-tfal kollha għandhom id-dritt li jgħixu ħajja ħielsa minn abbuż ta’ dan it-tip li jista’ jħalli effetti fit-tul.

Din il-ġurnata tfakkar, lil dawk li jaħdmu favur l-aħjar interessi tat-tfal, sabiex iġeddu l-impenn tagħhom ħalli b’hekk jipprevjenu u jeliminaw l-esplojtazzjoni, l-abbuż u l-vjolenza – inkluż fuq l-internet. Dan jista’ isir permezz ta’ edukazzjoni ta’ kwalita’ u għarfien xieraq.

Il-maġġoranza ta’ dawn il-każiijiet ta’ abbuż li jsiru fuq it-tfal, ikunu saru min xi ħadd qrib tagħhom. U meta jseħħ l-abbuż permezz ta’ persuna li jafu, jafdaw u anke jħobbu, huwa diffiċli ferm għat-tfal li jitkellmu dwar dan l-abbuż.

Intant nhar it-Tnejn jiġi mfakkar ukoll il-Jum Dinji tat-Tfal; ġurnata ddedikata lit-tfal kollha.

Jum li fih niċċelebraw il-kisbiet li saru sabiex jiġi assigurat lit-tfal kollha jkollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom kif ukoll sabiex tibqa’ ssir pressjoni favur dawk it-tfal li d-drittijiet tagħhom għadhom mhumiex garantiti.

Din is-sena hija sena partikolarment speċjali minħabba l-fatt li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qiegħed jiċċelebra l-20 anniversarju mit-twaqqif tiegħu.

B’hekk il-Kummissarju qiegħda tniedi Kompetizzjoni Kreattiva bil-għan li tinkoraġġixxi tfal bejn il-5 u is-16-il sena sabiex iwasslu l-vuċi tagħhom.

It-tfal jistgħu jagħtu l-oppinjoinijiet tagħhom dwar diversi temi fosthom id-dritt tat-tfal li jkollhom min jieħu ħsiebhom, id-dritt tat-tfal li ma ssirilhomx ħsara, id-dritt tat-Tfal li jilgħabu u d-dritt li jinstemgħu permezz ta tpinġija, storja qasira jew poeżija.