Edukazzjoni Lokali

Il‑kontribut importanti tar‑reliġjużi u l‑lajċi fl‑iskejjel tal‑Knisja

Minn riċerka li saret fost l-iskejjel tal-Knisja ħareġ li hu essenzjali li wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-iskejjel kollha tal-Knisja f’Malta u Għawdex jibqa’ li tinżamm l-identità Nisranija, minsuġa dejjem mal-kariżmi differenti tal-kongregazzjonijiet. Dan filwaqt li tkompli tissaħħaħ il-formazzjoni Nisranija li tingħata lill-istudenti, staff, u ġenituri.


Ir-riċerka hi l-ewwel fażi tal-proċess li s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u l-Kunsill Superjuri Maġġuri Reliġjużi qed jagħmlu sabiex jaraw x’inhi t-triq ’il quddiem għall-iskejjel tal-Knisja f’Malta u Għawdex, li jaqdu mas-17,000 student u jħaddmu iktar minn 3,000 edukatur.

Ir-riżultati ġew preżentati lill-Arċisqof Charles Scicluna u lill-Isqof Anton Teuma waqt seminar li l-għan tiegħu kien li jiddiskutu proposti ta’ azzjonijiet msejsa fuq is-sejbiet mir-riċerka. Dawn il-proposti ffokaw fuq tliet oqsma: li tkun iċċarata u msaħħa l-identità ta’ skola tal-Knisja f’Malta u Għawdex tal-lum, il-formazzjoni komprensiva tal-impjegati, u t-tisħiħ tal-istrutturi ta’ governanza fejn meħtieġ.

Matul is-snin, permezz tal-ħidma tas-saċerdoti djoċesani u reliġjużi, is-sorijiet, u lajċi, il-Knisja kienet strumentali biex issawwar is-settur edukattiv tal-pajjiż. Madankollu, in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet għall-ħajja kkonsagrata jew saċerdotali jesiġi li jsir investiment ikbar fil-lajċi kemm bħala mexxejja tal-iskejjel u anke bħala edukaturi.

Din ir-riċerka kwalitattiva li saret minn DISCERN titfa’ wkoll dawl fuq kif minkejja l-isfidi li ġġib magħha s-soċjetà kontemporanja, l-iskejjel tal-Knisja baqgħu mexjin lejn iktar inklussività, joffru edukazzjoni ħolistika, u ġeneralment joħolqu ambjent pożittiv ta’ relazzjonijiet b’saħħithom. Mill-intervisti mal-provinċjali tal-ordnijiet reliġjużi, retturi, prinċipali, diretturi, u kapijiet tal-iskejjel, ħarġu differenzi fuq kif l-iskejjel iħarsu lejn il-futur tagħhom, partikolarment fil-formazjoni lill-istaff, fit-tfassil ta’ policies u fl-istrutturi ta’ tmexxija.

Waqt is-seminar, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li x-xewqa tiegħu għall-iskejjel tal-Knisja hi li filwaqt li jkomplu jżommu saqajhom mal-art u b’responsabbiltà kbira jaħdmu flimkien għall-ġid tal-komunità. “Nixtieq nitlobkom ukoll biex bil-ħidma tagħna ninsistu biex niżviluppaw fina nfusna u f’kull membru ieħor tal-komunità, inkluż l-istudenti u l-impejgati tagħna, id-don tal-ħsieb kritiku. Hi ħasra li qed ngħixu f’dinja fejn kontinwament niġu bbumbardjati b’tant opinjonijiet u ideat u m’għandna l-ebda kapaċità nisimgħu, nixtarru u nagħmlu l-aħjar għażliet.” L-Arċisqof insista wkoll li l-iskejjel tal-Knisja għandhom ikomplu jnisslu fl-istudenti r-rieda li jkunu ta’ servizz għall-oħrajn permezz tal-volontarjat, mhux biss fl-iskola iżda wkoll fil-komunità fejn jgħixu. Awgura wkoll li l-iskejjel tal-Knisja jkomplu jiffaċilitaw il-laqgħa ta’ kull wieħed minna ma’ Ġesù Kristu.


L-Isqof Anton Teuma qal li f’Malta u Għawdex għad hawn bżonn l-iskejjel tal-Knisja. Huwa sostna li proprju minħabba s-soċjetà sekulari u multikulturali li qed ngħixu fiha, kull skola tal-Knisja għandha tagħraf x’inhuma l-objettivi li jiżguraw li l-iskola tkompli tħaddan u tippromwovi l-identità Kattolika tagħha. Dan iwassal ukoll sabiex ikun hemm formazzjoni kontinwa ta’ dawk li mistennija jkunu ta’ xhieda u jmexxu l-missjoni tal-Knisja.

Il-pass li jmiss huwa li s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u l-Kunsill Superjuri Maġġuri Reliġjużi jibqgħu jaħdmu flimkien biex jitfasslu pjanijiet ta’ azzjoni għall-proposti dwar l-identità tal-iskejjel tal-Knisja, il-formazzjoni lill-impjegati kollha u l-istrutturi ta’ governanza tal-iskejjel tal-Knisja f’Malta u Għawdex.


Għas-seminar attendew il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja, ir-retturi, il-prinċipali, id-diretturi u chairpersons tal-bordijiet, kif ukoll id-diriġenti tas-Segretarjat u d-Delegat tal-Arċisqof għall-Edukazzjoni Nisranija, u anke l-provinċjali tal-ordnijiet reliġjużi.