Edukazzjoni Lokali

Il-Ministru tal-Edukazzjoni jgħid li ż-żieda proposta fil-paga tal-għalliema hi waħda sodisfaċenti għalih

Issa għaddew il-jiem mindu l-Union tal-Għalliema, l-MUT, ħabbret numru ta’ direttivi għall-għalliema tagħha… u għaddiet iktar minn sena u nofs mindu Robert Abela kien wiegħed lil dawn l-istess għalliema żieda sostanzjali fil-pakkett finanzjarju; wiegħda li kienet saret fil-manifest elettorali Laburista.

Iżda minn dan kollu għadu ma seħħ xejn tant li jum wara l-ieħor dejjem qed nersqu eqreb għall-istrajk tal-għalliema li mistenni jseħħ fis-27 ta’ Novembru ġaladarba l-Gvern Laburista jibqa’ jkaxkar saqajh dwar dan.

Mistoqsi minn Net News jekk il-Ministru nnifsu jaqbilx maż-żieda miżera fil-paga li qed tkun proposta mill-Gvern Laburista, huwa qalilna li dak li qed jipproponu hu biżżejjed.

Għalkemm fl-istess nifs qalilna li l-kundizzjonijiet tal-għalliema għandhom bżonn jitjiebu.

Quddiem dan kollu, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Clifton Grima jidher li għadu bla soluzzjoni sabiex la l-edukaturi u wisq inqas it-tfal ibatu minn dawn l-azzjonijiet industrijali.

F’kummenti ma’ Net News, il-President tal-MUT, Marco Bonnici kien qal li l-attitudni tal-Gvern wasslet għal futur inċert fis-settur edukattiv ta’ pajjiżna li jistgħu jwasslu għal riperkussjonijiet kbar. Fost dawn hemm il-biża’ li ħafna aktar għalliema jieqfu minn xogħolhom minħabba t-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern Laburista. Iżda minkejja x-xhur ta’ laqgħat li ma waslu għal imkien, il-Ministru Clifton Grima iqis li l-Gvern Laburista mhux iwebbes rasu.

Fl-aħħar laqgħa li saret, l-MUT ingħatat żewġ proposti finanzjarji mill-Gvern iżda dawn ġew irrifjutati immedjatament għaliex l-MUT rat li dak li kien propost kien ser jinsulta lill-edukaturi minflok ma jirrikonoxxi l-ħidma tagħhom. Minflok ma ġie bi proposta riveduta, ftit tal-jiem ilu l-Gvern ta’ Robert Abela ħassar il-laqgħat li kien hemm skedati.

Dan kollu jikkonferma li l-Gvern tal-Labour qed isibha bi tqilha immens jirrispetta lill-professjoni tal-edukaturi u jżomm kelmtu – b’Abela jsibha diffiċli jimxi mill-paroli għall-fatti… u bil-Union tal-Għalliema ma jkollix għażla oħra għajr li tissokta bl-azzjonijiet tagħha.