Lokali

L-Arċisqof b’appell b’saħħtu lill-gradwati l-ġodda

“Intom u tikbru fil-maturità tal-professjoni, tas-sengħa, tal-industija li għaliha ppreparajtu ruħkom, u li t-toroq tal-ħajja se twassalkom fiha, inkluż il-politika, dejjem tfittxu t-togħma bnina ta’ min jagħmel is-sewwa, u jaħdem għall-ġustizzja. Qegħdin ngħixu f’dinja ta’ vjolenza inawdita. Ejjew nitolbu, li aħna nkunu dawk, li mhux inqaċċtu s-siġar imma li nħawluhom.”

Kien dan il-messaġġ ewlieni li wassal l-Arcisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna l-Ġimgħa filgħaxija waqt quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-gradwati l-ġodda tal-MCAST; quddiesa li saret fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta.

L-Arċisqof qal dan b’referenza għal dak li ġara fil-Pjazza tal-Mosta fir-rigward tas-siġar fejn b’permess maħruġ mil-ERA kienu ser jitqaċċtu 12-il siġra tal-Fikus, u għalkemm is-Sindku tal-Mosta, wara pressjoni kbira li saret minn numru ta’ attivisti, qal permezz ta’ post fuq Facebook li mhux ser jiġu imqaċċta… il-ħsara kienet diġa’ saret kemm għall-ambjent kif ukoll għas-saħħa tan-nies u l-bio-diversita.

Waqt l-omelija, l-Arċiqof kompla jappella liż-żgħażagħ preżenti sabiex ma jaħarqux iż-żogħżija tagħhom imma igawduwha bi żvilupp ta’ maturita għarfa.