Diversi persuni fi Triq il-Punent, l-Imsida kellhom jevakwaw ‘il barra mir-residenzi tagħhom wara li raġel fetah il-gass u beda jhedded li jisplodi r-residenza li kien fiha.
Il-każ seħħ is-Sibt għall-ħabta tat-7 pm qrib l-iskatepark wara li r-raġel li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa, beda jhedded b’dan l-att, bir-raġuni warajha għadha mhix magħrufa.
Fil-post ġew imsejħa diversi membri mill-Korp tal-Pulizija sabiex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, kif ukoll tobba u infermiera u membri mill-Protezzjoni Ċivili.
Minnufih, ir-residenti bdew jiġu evakwati sabiex jassiguraw is-sigurtà tagħhom. Fost dawn kien hemm mara b’tarbija f’idha li ttieħdet l-Isptar Mater Dei biex jassigura li saħħithom hi waħda tajba.
Wara xi ħin, il-Pulizija rnexxilhom jikkonvinċu lir-raġel biex joħroġ mir-residenza. Huwa ġie arrestat fejn għaddejja investigazzjoni mill-Pulizija dwar dan il-każ.
Fil-post issejħu wkoll uffiċjali tal-Explosives Ordnance Disposal (EOD) u tar-Rapid Intervention Unit (RIU) fejn bdew b’ħidma sabiex jassiguraw li z-zona hi waħda sigura u ħadd ma jinsab f’periklu.
Fil-post ittieħed ukoll kelb tal-Korp tal-Pulizija fejn assigura li z-zona tinsab sigura minn kull periklu.
Is-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal wara li tlestiet il-ħidma tagħhom.
Agħfas hawn sabiex tara l-filmat dirett ta’ Net News mill-post.
//= $special ?>