Sport Waterpolo

San Ġiljan jirbħu d-derby fl-aħjar logħba tal-Enemed Cup sa issa … Sliema, Exiles u Sirens jirbħu wkoll

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…. 12

NEPTUNES VIDEOSLOTS…….. 8

(1-2), (2-2), (6-2), (3-2)

San Ġiljan JP Projects għelbu l-ostaklu li offrew Neptunes Videoslots f’dik li kienet l-aqwa logħba sa issa f’din il-kompetizzjoni. San Ġiljan ma kinux fl-aqwa tagħhom iżda Neptunes pattew qares għall-inkonsistenza fil-prestazzjoni.

Il-logħba kienet ifqar f’termini ta’ kwalità b’San Ġiljan kienu mingħajr Ben Plumpton u Nikolai Zammit filwaqt li Neptunes kellhom lil Stevie Camilleri u Jake Muscat neqsin; plejers li kollha qed jilagħbu barra minn Malta.

Neptunes kellhom vantaġġ ta’ 2-1 fl-ewwel sessjoni u 4-2 fit-tieni sessjoni u sa nofs il-partita kien jimmeritahom il-vantaġġ minħabba li kienu l-aktar konċentrati. Madankollu t-tielet sessjoni kienet storja oħra.

Il-Ġiljaniżi kienu pass qabel l-avversarji u meta ħadu l-vantaġġ ma tilfuh qatt. Id-doppjetta ta’ Nicholas Bugelli tathom nifs importanti f’perjodu meta l-logħba saret aktar akkanita. Lejn nofs is-sessjoni tkeċċa b’sostituzzjoni Andreas Galea minħabba logħob aggressiv.

Il-captain Matthew Zammit skorja doppjetta minn tiegħu u kabbar il-vantaġġ għal 9-5. Dan id-distakk għamilha diffiċli għal Neptunes biex jirkupraw tant li fl-aħħar sessjoni ma resqux eqreb minn tliet gowls, b’San Ġiljan ikkontrollaw sat-tmiem.

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (4), A. Galea, N. Bonavia, R. Caruana, M. Zammit (4), J. Bonavia (1), D. Tully, J. Abela (3), N. Zammit, D. Zammit, N. Schiavone, G. Borg, S. Cutajar, A. Formosa

Neptunes: A. Borg Cole, L. Mallia (1), S. Gialanze (3), G. Pace, M. Zammit, D. Bugeja, M. Castillo (2), J. Camilleri (1), R. Galea, J. Bajada, A. Fenech, E. Mallia (1), M. Farrugia, M. Lanzon, A. Aquilina

Referees: Massimo Angileri, Richard Magri

EXILES WELBEE’S………….. 10

MARSASKALA ESC………… 9

(3-2), (4-2), (2-2), (1-3)

Tasal l-ewwel rebħa ta’ Exiles taħt it-tmexxija ta’ Niki Lanzon f’logħba missielta. Ir-rebħa għalihom kienet meritata hekk kif qatt ma kienu minn taħt fil-logħba u kkontrollaw għal ħin twil sakemm sofrew ir-rimonta ta’ Marsaskala lejn it-tmiem li iżda waslet tard.

Exiles rebħu l-ewwel sessjoni 3-2 iżda kellhom jieħdu l-vantaġġ tliet darbiet wara li Marsaskala ġabu d-draw darbtejn. Il-vantaġġ kiber għal 5-3 u 7-4 fit-tieni sessjoni u saħansitra 9-4 fit-tielet sessjoni.

Hawn bdiet ir-reazzjoni ta’ Marsaskala li b’doppjetta ta’ Mark Carani naqqsu d-distakk għal 9-6 qabel bdiet l-aħħar sessjoni u wara l-gowl ta’ Keith Tanti, skorjaw tliet darbiet oħra u wasu gowl bogħod. Madankollu kien fadal minuta biss, b’Exiles ifallu penalty lejn it-tmiem u ma kienx fadal biżżejjed ħin għal attakk finali.

Exiles: M. Castillo, Z. Cutajar Licari, Z. Micallef, D. Pace Lupi (1), M. Martellacci (2), M. Paris Roding, M. Fenech (1), K. Griscti (2), L. Pursehouse, K. Tanti (4), N. Burlin, N. Saliba, F. Buhagiar

Marsaskala: A. Muscat, G. Bonavia, G. Galea, M. Agius, J. Colombo, E. Bilgrin, K. Navarro (2), M. Farrugia, K. Grech, G. Sammut (1), J. Ciantar (1), M. Carani (5), M. Borg, L. Montebello Brownrigg

Referees: Alex de Raffaele, Neville Mercieca

SLIEMA FRANK SALT………….. 15

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 6

(6-0), (3-2), (2-0), (4-4)

Sliema Frank Salt komplew bil-mixja pożittiva f’din l-edizzjoni b’rebħa kif mistenni kontra Birżebbuġa Freeport. Is-Slimiżi żammew mal-aspettattiva u kkontrollaw kif riedu, bit-tim ta’ Birżebbuġa seta’ jipprova biss jillimita d-danni.

Is-sitt gowls skorjati minn Sliema fl-ewwel sessjoni ħarġu immedjatament id-differenza bejn iż-żewġ timijiet. Il-gowls waslu minn tripletta ta’ Liam Galea, doppjetta ta’ Dino Zammit u gowl tal-captain John Brownrigg.

Birżebbuġa wieġbu darbtejn wara l-gowls ta’ Sliema fit-tieni sessjoni sakemm Sam Engerer kabbar il-vantaġġ għal 9-2. Benji Cachia u Galea żiedu d-distakk fit-tielet sessjoni sakemm permezz tar-rotazzjoni fit-tim Slimiż, Birżebbuġa rnexxielhom jilħqu l-livell milgħub tal-avversarji u waqqfu milli r-riżultat ikompli jikber.

Sliema: Z. Dzanovic, V. Figliomeni, L. Galea (4), D. Rizzo (1), J. Cassar (3), B. Cachia (1), P. Tabone, S. Engerer (2), J. Brownrigg (1), J. Chircop (1), T. Fenech, D. Zammit (2), A. Theuma, J. Sciberras, J. Schembri Young

Birżebbuġa: M. Sladden, S. Bezzina, N. Cassar, J. Cauchi, N. Fenech, M. Manara, W. Mizzi, I. Galea, D. Farrugia, M. Cutajar (1), G. Mannino (1), M. Curmi (2), S. Livori, J. Abdilla, M. Cassar (2)

Referees: Ronnie Spiteri, Juana Cauchi

VALLETTA IZIBET…………….. 5

SIRENS……………………………. 17

(1-4), (0-2), (2-6), (2-5)

Sirens telgħu waħedhom fit-tielet post tal-klassifika b’rebħa dominanti fuq Valletta Izibet. Sirens kienu l-aktar konċentrati, kompatti u li ħadmu bħala tim, b’Valletta fuq in-naħa l-oħra ftit joffru soluzzjonijiet għal dak li wettqu l-avversarji.

Id-doppjetta ta’ Matthias Azzopardi fl-ewwel sessjoni tat vantaġġ ta’ 3-1 u wittiet it-triq għar-rebħa ta’ Sirens. Valletta ftit kienu ta’ periklu għal Matthew Bonello DuPuis u kien Ken Erdogan li b’doppjetta fl-aħħar minuta tat-tieni sessjoni kabbar il-vantaġġ għal 6-1.

Gowl ta’ Cain Cutajar kmieni fit-tielet sessjoni ttanta reazzjoni minn Valletta madankollu Sirens żiedu gowl wara l-ieħor u qatlu l-logħba. Huma komplew isibuha faċli biex isibu x-xibka anki sal-aħħar mumenti tal-logħba biex kisbu rebħa komda li tagħtihom kuraġġ għall-impenji li jmisshom.

Valletta: B. Busuttil, S. Mallia, C. Cutajar (1), J. Farrugia (2), S. Busuttil, M. Demarco, M. Mifsud (2), J. Saliba, K. Borg, A. Agius, J. Culic, K. Cremona, A. Bugeja

Sirens: M. Bonello DuPuis, P. Serracino, K. Erdogan (3), P. Borg, J. Zerafa Gregory, J. Cachia (3), M. Chircop (2), I. Riolo, K. Agius (1), G. Farrugia (4), T. Perici Ferrante, M. Azzopardi (2), I. Schembri, M. Ortoleva (2), M. Farrugia

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari

Kif Jinsabu

                   L       R       D       T       F       K       Pti

San Ġiljan   4        4        0        0        64      27      12

Sliema         4        4        0        0        57      31      12

Sirens          4        3        0        1        48      34      9

Neptunes     4        2        0        2        33      27      6

Valletta        4        2        0        2        28      55      6

Exiles          4        1        0        3        34      49      3

Marsaskala  4        0        0        4        40      56      0

Birżebbuġa  4        0        0        4        21      46      0

Logħob li jmiss

It-Tlieta 28 ta’ Novembru: Birżebbuġa v Sirens 6.30pm, Neptunes v Sliema 7.40pm

L-Erbgħa 29 ta’ Novembru: Exiles v Valletta 6.30pm, Marsaskala v San Ġiljan 7.40pm