“Meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar is-siġar tal-Mosta, in-nies ma ġewx ikkonsultati u hemm bżonn li din il-mentalità tinbidel.”
Hekk sostna l-President tal-Malta Developers Association – Michael Stivala, meta l-Ġimgħa filgħaxija kien intervistat waqt il-programm Opinjoni.
“Meta ġew biex jiddeċiedu dwar is-siġar naħseb jien ma ħadux deċiżjoni korretta. Ma konsultawx, ma tkellmux u ma ħassewx is-sensittività tan-nies, u naħseb li għandna bżonn inbiddlu l-mentalità. Jien personali ukoll nixtieq nagħmel proġetti ta’ siġar fit-toroq – ili għaddej sena u nofs f’burokrazija biex nagħmilhom.”
Michael Stivala insista li n-nuqqas ta’ pjanar mill-Gvern ta’ Robert Abela qed iwassal sabiex jinħlew l-ispazji miftuħa li għandna f’pajjiżna.
B’diżappunt u dispjaċir, il-President tal-Malta Developers Association, sostna illi meta l-assoċċjazzjoni appellat lill-Gvern u l-awtoritajiet ikkonċernati sabiex ikun hemm pjan maħsub minn qabel għal bini ta’ torrijiet magħrufa bħala pencil buildings, huwa safa mhedded personalment u saħansitra għedduh b’ħajtu.
Fl-aħħar ġimgħa saru diversi appelli lill-Gvern sabiex l-awtoritajiet jibdew jiffunzjonaw minnufih, u jħarsu l-ġid taċ-ċittadini u l-ambjent ta’ madwarna. Fil-fatt, minn naħa tiegħu, Michael Stivala tenna li s-sistema li qed imexxu biha l-awtoritajiet mhi twassal fl-ebda riżultat, anzi kulħadd qiegħed ibati.
//= $special ?>