Futbol Sport

Tmien telfiet minn tmienja, 20 gowl kontra u 2 favur fi Grupp C ta’ kwalifikazzjoni. Marcolini kontinwità jew mhux daqsekk ta’ kwalità?

(Ritratt: Joseph Galea)

Sa mill-bidu nett konna nafu li l-avversarji ta’ Malta fi Grupp C ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO 2024 kienu kollha diffiċli, bl-inqas tim b’saħħtu jkun il-Maċedonja ta’ Fuq, li wkoll huwa tim validu u b’saħħtu kkumparat ma’ dak ta’ Malta. Fl-aħħar logħba, nhar il-Ġimgħa f’Wembley rajna sforz kollettiv mill-Maltin, li għalkemm mill-konfront kontra l-Ingilterra ħriġna b’idejna vojta, tal-inqas ma konniex umiljati u min kien f’Londra biex jagħi s-support lit-tim Malti ħa gost jara lil plejers jipprovaw joħolqu xi ħaġa kontra wieħed mill-aħjar timijiet fid-dinja tal-mument.

Minkejja dan xorta jibqa’ l-fatt li minn 8 logħbiet tlifna 8, sofrejna 20 gowl u skorjajna biss 2, u jekk wieħed janalizza l-partiti ftit konna effettivi. Wara t-tluq ta’ Devis Mangia, is-suċċessur tiegħu Michele Marcolini ftit kellu ċans jipprepara l-iskwadra qabel l-ewwel konfront barra minn darna kontra l-Maċedonja ta’ Fuq u saħansitra lanqas biss kellna ċans nilagħbu partita ta’ ħbiberija qabel dan il-konfront fi Skopje. Fil-verita riżultat ta’ 2-1 fil-Proeski Stadium, meta wieħed jikkunsidra dan kollu ma kienx daqsekk kiefer, iżda wara din il-logħba sofrejna telfa wara telfa wara telfa, u dik il-grinta li kellhom il-plejers fl-era ta’ Mangia sparixiet.

Il-kowċ il-ġdid Michele Marcolini mill-ewwel ma ntlaqax tajjeb b’ħafna jiddubitawħ minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza li kellu speċjalment fix-xena internazzjonali, u wara dawn ir-riżultati negattivi, il-pressjoni fuqu kompliet tikber b’saħansitra anke mesaġġi mis-supporters Maltin permezz ta’ strixxuni fl-istadium nazzjonali jitolbu r-riżenja tiegħu.

Mhux sigriet li l-każ Mangia m’għamilx ġid lit-tim nazzjonali Malti iżda ħafna staqsew u għadhom qed jistaqsu…

Kienet għażla tajba dik ta’ Marcolini bħala kowċ ta’ Malta?

L-idea tal-MFA bla dubju kienet li jkun hemm kontinwità tattika u ta’ mentalità, u li ma nibżgħux nattakkaw lill-avversarji anke jekk konxji mill-qawwa tagħhom. Iżda ġara li wara t-tieni u t-tielet telfa, anke fl-ambjent ta’ pressjoni minn barra, il-plejers tilfu l-kunfidenza li kellhom, tant li wara l-gowl ta’ Yankam fl-ewwel logħba, kien biss fis-seba’ konfront kontra l-Ukrajna li t-tim Malti rnexxielu jsib ix-xibka meta f’Ta’ Qali mar fil-vantaġġ permezz ta’ Paul Mbong, iżda sfortunatament spiċċa biex għal darb’oħra tilef 3-1.

Filwaqt li tattikament, Marcolini żamm l-idea li nilgħabu bi tliet difensuri, huwa jippreferi li jilgħab b’formazzjoni ta’ 3-5-2, biex isaħħaħ aktar nofs il-ground u jilgħab b’żewġ attakkanti filwaqt li Mangia kien jilgħab 3-4-3 jew 3-4-2-1. Barra minn hekk f’dik li hija stil tal-logħba, rajna tim nazzjonali Malti inqas attraenti fil-logħob minħabba l-fatt li filwaqt li fi żmien Mangia konna nilgħabu b’difiża għolja, u nilagħbu aktar il-ballun mal-ġnub jew nipprovaw nippenetraw minn nofs, Marcolini jippreferi aktar logħob dirett u li jintlagħab il-ballun wara d-difiża meta nsibu ċ-ċans.

Wara serje ta’ riżultati negattivi mit-tim nazzjonali Malti, minbarra l-għażla tal-kowċ, bħas-soltu d-diskussjoni taqa’ fuq x’inhu jiġri ħażin kemm fit-tim nazzjonali nnifsu kif ukoll fis-setturi tat-tfal u x’inhuma s-soluzzjonijiet kemm fit-tul kif ukoll dawk immedjati. Mhux sigriet li s-supporter tal-futbol riżultati mmedjati jrid u waħda mis-sistemi li qed tintoroduċi l-MFA hija dik li ssib plejers li jilagħbu barra minn xtutna u li għandhom dixxendenza Maltija, bħalma sar fil-każ ta’ Jodi Jones u Teddy Teuma, kif ukoll ta’ Hugo Sacco fl-iskwadra ta’ taħt id-19-il sena u ta’ Basil Tuma f’dik ta’ taħ il-21 sena. Barra minn hekk ftit tal-ġimgħat ilu ingħata ċ-ċittadinanza Maltija l-attakkant ta’ Floriana Kemar Reid li ddebutta kontra l-Ingilterra. Iżda hawn tiġi mistoqsija oħra…..

Allura dan ifisser li l-MFA qatgħet qalbha mis-soluzzjonijiet u pjanijiet fit-tul u qed isibha aktar faċli li tfittex plejers barranin b’rabta żgħira ma’ pajjiżna?

Fl-opinjoni tiegħi, waħda mill-affarijiet li l-assoċjazzjoni Maltija għandha timbotta hi li l-plejers tagħna sa minn meta jkunu żgħar jibdew jintbagħtu barra minn Malta biex joħorġu mill-problema tal-comfort zone u jibdew jidraw il-vera futbol professjonali minħabba li sfortunatament il-livell tal-kampjonat tagħna huwa wieħed medjokri u l-faċiltajiet li għandna hawn Malta huma kważi xejn fejn dawk ta’ pajjiżi oħra. L-MFA għandha tibda proċess ta’ ftehim ma’ skejjel tal-futbol rinomati fl-Ewropa bħa dawk fl-Olanda u Spanja, biex minn żmien għal żmien it-tfal tagħna jibdew jintbagħatu jitħarġu hemm, iżda l-isforz għandu jsir minn kulħadd, inkluż mill-ġenituri li ma jibżgħux jagħmlu dan il-pass jekk vera jridu li uliedhom jirnexxu, mhux biss fil-futbol iżda f’kwalunkwe sport ieħor.

Lura għat-tim nazzjonali Malti attwali, Marcolini kien ukoll kritikat għall-għażla tal-plejers u lil min kien qed iħalli barra, bl-aktar riċenti tkun l-għażla li jitneħħew Dunstan Vella u Jurgen Degabriele mill-iskwadra proviżorja għal kontra l-Ingilterra. Din iżda hija kritika suġġettiva u jinbidlu kemm jinbidlu kowċis din se tibqa’ dejjem hemm u bla dubju li mhix il-problema wara dawn it-tmien telfiet li sofrejna.

Mistoqsi riċentament, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo ta indikazzjoni ċara li l-futur ta’ Michele Marcolini se jkun deċiż wara l-esperjenza fin-Nations League b’ħafna ma jaqblux ma’ dan u jinsistu li Marcolini għandu jitneħħa mmedjatament.

Nistennew u naraw x’progress vera għamilna meta f’Settembru li ġej tirritorna l-UEFA Nations League fejn hemm inkunu qed naffrontaw timijiet tal-livell tagħna.