Lokali

Żewġt irġiel Maltin u Niġerjan qed jinżammu arrestati b’rabta ma’ allegat serq ta’ cables

Il-Pulizija qiegħda żżomm taħt arrest tlett irġiel, żewġ Maltin u Niġerjan, b’rabta ma’ allegat
serq ta’ cables.

Kmieni dalgħodu, għal xi l- 0400, il-Pulizija ġiet mitluba tassisti f’mina taħt l-art qrib il-Ġnien tal-Argotti, il-Floriana, wara rapport li kien hemm xi persuni qegħdin iqaċċtu cables tal-fiber optic u tar-ram biex jisirquhom.

Waqt tfittxija fl-akwati, il-Pulizija innutaw persuna li kienet qiegħda ġġorr xi cables li malli ndunat bil-Pulizija, ippruvat tistaħba. Il-Pulizija ordnat lil din il-persuna biex toħroġ min fejn kienet u wara ġiet identifikata bħala raġel ta’ 39 sena residenti Wied il-Għajn u ġie arrestat.

Minħabba suspett li seta’ kien hemm iktar persuni involuti, il-pulizija kompliet bit-tfittxija fil-mini, liema tfittxija waslet biex instabu żewġt irġiel oħra, wieħed ta’ 30 sena residenti ż-Żejtun u Niġerjan ta’ 35 sena, li mill-ewwel ġew arrestati.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.