Internazzjonali

Gaza: Sitwazzjoni mwiegħra fl-‘isptar tal-mewt’ minkejja l-evakwazzjoni tal-pazjenti

L-Armata Iżraeljana ċaħdet li ħarġet direttivi għall-evakwazzjoni totali tan-nies mill-isptar ewlieni ta’ Al-Shifa f’Gaza…Kumpless li ngħata l-laqam ‘l-isptar tal-mewt’ u li partijiet minnu għadhom okkupati mit-terroristi fanatiċi tal-Ħamas li infiltraw il-komunitajiet taċ-ċivili waqt il-gwerra mal-Iżraeljani.

U għalkemm fl-aħħar sigħat inħarġu numru ta’ trabi mill-isptar, it-Tmexxija ta’ Iżrael insistiet li ma tistax tippermetti li joħroġ kulħadd minħabba t-theddida kbira mit-terroristi li allegatament qed jikkoordinaw l-azzjonijiet kontra t-truppi Iżraeljani minn labirint ta’mini taħt l-art tal-isptar.

L-Iżraeljani qed jgħidu li l-gwerra tagħhom ‘mhix kontra l-familji u l-pazjenti Palestinjani’ u li huma jridu, speċifikament, jeliminaw it-theddida terroristika mill-Ħamas fl-artijiet ta’ Gaza.

Fl-istess ħin, il-qawwiet Iżraeljani aċċettaw it-talba mid-diretturi tal-isptar biex numru partikulari ta’ persuni jużaw ‘rotta sigrieta’ biex joħorġu mill-isptar  –iżda ċaraw ukoll li kull talba għal evakwazzjoni għar-raġunijiet mediċi għandha tkun bilfors faċilitata wara evalwazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni u tal-persuni speċifiċi.

Il-qawwiet Iżraeljani fil-preżent qed iwettqu assedju fuq il-bejtiet tal-Ħamas f’Gaza bħala parti mill-gwerra dovuta għall-massakri tal-Iżraeljani f’pajjiżhom waqt il-jum iswed tas-7 ta’ Ottubru..Jum li fih il-Ħamas kienu infiltaw il-komunitajiet ta’ Iżrael skont strateġija ewlenina għal terrur u li huma kienu ilhom jippjanaw għal sentejn.

Intant, ir-rejds tal-Iżraeljani fuq l-isptar ta’ Al-Shifa komplew, bit-tobba fl-inħawi jwasslu l-messaġġi li s-sitwazzjoni fil-kumpless hi waħda disprata, tant li spiċċawlhom il-kunsinni tal-painkillers u antibiotiċi.

Fl-aħħar sigħat, grupp ta’ osservaturi tan-Nazzjonijiet Uniti, taħt it-tmexxija tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) marru jevalwaw is-sitwazzjoni fl-isptar ta’ Al-Shifa fejn il-militar Iżraeljan qed jokkupa sezzjonijiet sħaħ tal-kumpless. Huma qalu li raw il-provi tal-bumbardamenti fuq l-isptar flimkien ma’ qabar għall-massa fl-entratura għall-kumpless u fejn jingħad hemm midfuna l-għexieren tal-Palestinjani.

Ingħad ukoll li mat-300 pazjenti morda kritikament kienu għadhom f’sezzjoni ta’ Al-Shifa u l-WHO qed tinsisti li taċċerta mill-evakwazzjoni urġenti tal-pazjenti u l-istaff mediku minn dik iz-zona ta’ gwerra lejn faċilitajiet oħra f’Gaza.Fl-istess ħin ma naqsux is-sejħiet għall-waqfien mill-ġlied min-naħa tal-WHO u n-Nazzjonijiet Uniti.