” Dan huwa mument kritiku għall-Partit Nazzjonalista, mument kritiku għall-pajjiżna għaliex issa għandna deċiżjoni fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Deċiżjoni nerġgħux niksbu r-reputazzjoni tant tajba ta’ pajjiżna jew nerħu pajjiżna miexi fid-direzzjoni li miexi bħalissa u kulħadd jaf fejn aħna sejrin.”
Dan sostnieh id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt l-attività politika li saret fix-Xagħra.
Waqt id-diskors tiegħu huwa fakkar kif ftit tal-jiem ilu kellna l-budget li minn aspett soċjali kien budget tajjeb, pero mbagħad għandu diversi nuqqasijiet speċjalment meta niġu għall-Għawdex. Semma kif lanqas biss kien hemm kapitlu kompletament għall-gżira Għawdxija li juri li Għawdex mhuwiex prijorità għall-gvern preżenti.
Huwa qal li Għawdex għandu bżonn jiġi indirizzat speċifikament għalih, f’kapitlu kompletament għalih li jkollu n-neċessitajiet kollha li hemm bżonn biex nindirizzaw ir-realtajiet f’Għawdex.
Alex Borg sostna li sfortunatament dan il-budget naqqas in-nefqa kapitali għall-gżira Għawdxija b’10%. Nefqa kapitali fuq proġetti maġġuri u infrastruttura tal-gżira Għawdxija, li minnha nnifisha turik li l-gvern huwa maqtugħ mir-realta’ tal-gżira Għawdxija. Naqqas in-nefqa fuq l-infrastruttura li tinkludi t-toroq, binjiet tal-gvern, l-isptar, il-qorti li ilu jwiegħdna u l-iskejjel.
Barra minn hekk, huwa qal li kien hemm affarijiet tajbin fil-budget bħall-inċentivi fuq xiri ta’ proprjeta’, pero kien hemm affarijiet li f’budgets preċedenti ssemmew u f’dal-budget intesew kompletament. Bħal breakwater ta’ Marsalforn, fejn il-gvern ftaħar għal żmien twil bl-istudji li kien hemm u din id-darba intesa’ kompletament. U l-famuż Victoria Parks fejn kellna gvern li għamel propoganda sħiħa bl-ispazji miftuħa f’Għawdex u dan il-budget lanqas biss semma il-famuż Victoria Parks.
Apparti minn hekk, Alex Borg semma kif waħda mill-muturi ekonomiċi tal-gżira Għawdxija hi propju t-turiżmu. Din id-darba, il-gvern preżenti naqqas in-nefqa kapitali fuq it-turiżmu fil-gżira Għawdxija bi 30%. Dawn huma r-realtajiet meta tgħasar il-budget u tara dawn l-affarijiet tinduna kif il-gvern preżenti, lil Għawdex għamlu tas-second class.
Alex Borg sostna kif il-gvern preżenti reġa’ nesa’ kompletament l-isptar ġdid f’Għawdex. U filwaqt li rringrazzja lid-deputat Nazzjonalista Adrian Delia li ġġieled fil-kawża ta’ Vitals u Stewards, lill-Kap tal-PN Bernard Grech li kompla b’din il-ġlieda u lill-PN li f’dan is-settur kiseb riżultat pożittiv għall-gżira Għawdxija. Hu qal li l-prijorita’ tal-gvern hi li seraq €400,000,000 filwaqt li l-poplu jtih €13 fil-ġimgħa….il-prijorita’ tiegħu li jagħti lill-barrani il-miljuni u lill-poplu jtih iċ-ċiċri biex taparsi jidher li huwa gvern li għandu l-polz tal-poplu f’idejh.
Alex Borg tkellem ukoll fuq is-sigurta’ f’Għawdex hija mhedda. Rajna żieda fil-kriminalita’, fit-toroq tagħna, fid-droga. Dawn huma realtajiet tal-lum il-ġurnata u fid-dawl ta’ dan kollu il-korp tal-pulizija qed jiddekadi. Il-pulizija f’Għawdex mhumiex qed jingħataw is-sapport li għandhom bżonn.
Id-deputat Alex Borg saħaq kif dejjem emmen f’soċjeta ekwa u ġusta, fejn ħadd ma jintesa’ u ħadd ma jibqa’ lura, fejn ħadd ma jbagħti u kulħadd ikun fuq l-istess livell.
Hu sostna kif bħala ċittadin, hu jixtieq li jkollna pajjiż verament ġust, pajjiż li jkompli jinbena fuq il-pedamenti li bnew missirijietna, li jkollna infrastrutturali jkollna edukazzjoni, li jkollna saħħa u sigurta’ f’pajjiżna, li ż-żgħażagħ iħossuhom siguri u kpmdi jgħixu f’pajjiżna u li ninvestu f’xogħilijiet ta’ kwalita’. Dan isir biss jekk ikun hemm rieda politika tajba. Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem bis-sħiħ fuq dan.
//= $special ?>