Lokali

Għandna biss 372 charging points u diversi minnhom mhumiex jaħdmu

Fl-isfond ta' dak kollu li qiegħed jiġri madwarna hekk kif it-traffiku qiegħed ikompli jiżdied u joktor u mbagħad il-Gvern qiegħed ifalli fil-miri tiegħu

Minkejja l-ħafna ftaħir tal-Gvern ta’ Robert Abela dwar il-ħtieġa li fil-pajjiż ikun hawn aktar u aktar karozzi li jaħdmu bl-elettriku, kollox jindika li s’issa l-Gvern jinsab ferm ’il bogħod milli jilħaq il-miri tiegħu. Jixhdu dan anki ċ-ċifri uffiċjali li għandna fejn sa issa fil-pajjiż hawn biss 7,300 karozza li jaħdmu bl-elettriku.

Dwar dan ix-xenarju u kif qiegħed jiżviluppa, tkellimt mad-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut li fisser li għandna sitwazzjoni fejn il-mira tal-Gvern, anki kif imħabbra mill-Ministru Miriam Dalli stess fl-istrateġija: Viżjoni ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli, hi ferm lil hinn milli jintlaħqu l-aspettattivi mixtieqa.

Fil-fatt jirriżulta li filwaqt li sal-2030 kien hemm il-mira li fit-toroq ta’ pajjiżna jkollna 65,000 karozza elettrika, issa qiegħed jirriżulta li sa Awwissu li għadda, l-aħħar statistika li għandna, wasalna għal 7,300 karozza elettrika biss. Għadna ’l bogħod ħafna milli nilħqu l-mira stabbilita. Sadattant għadna ’l bogħod ħafna milli nlestu l-grid u n-network għal dawn il-karozzi li jikkunsmaw l-elettriku biex jiċċarġjaw il-mekkaniżmu tagħhom.

Mark Anthony Sammut fisser ukoll li għadna ’l bogħod ħafna wkoll milli jkollna l-infrastruttura meħtieġa ta’ charging points biex taqdi lil dawn il-karozzi, speċjalment għal dawk li ma jkollhomx il-garaxx tagħhom fejn jistgħu jiċċarġjaw il-vettura tagħhom.

Qal li għad għandna biss 372 charging point, skont dak li jgħid il-Baġit, meta suppost hu good practice li jkollok charging points daqs għaxra fil-mija tal-flotta tal-karozzi. Suppost li llum għandna tal-inqas 730 biex jaqdu l-karozzi li għandna. Fil-verità anqas għandna n-nofs. Bil-mira li għandu l-Gvern ta’ 65,000 karozza elettrika, suppost ikollna allura 6,500 charging point sal-2030. U d-data tal-2030 mhix xi waħda ’l bogħod… seba’ snin oħra lil hinn mil-lum!

Apparti minn hekk, sal-2030 se tkun qegħda titwaqqaf l-importazzjoni tal-karozzi li jaħdmu b’xi tip ta’ fjuwil. Dan ifisser fih innifsu li l-Gvern għandu raġuni oħra għaliex irid malajr ilesti din l-infrastruttura.

Mark Anthony Sammut hawnhekk staqsa fejnhom allura ċ-charging points li suppost tlestew u nfirxu mal-pajjiż kollu. “L-unika mira li smajna hi ta’ 1,200 charging point. Li ilna nisimgħu issa xi tliet baġits u għadna ma bdejna naraw xejn minnhom.

“Fl-2022 kien intqal li fit-tliet snin li ġejjin se nkunu qegħdin nistallaw madwar 1,200 charging point fil-pajjiż kollu.

“Għas-sena 2023 kien intqal li bħalissa għaddej ix-xogħol biex ikollna 1,200 punt ieħor tal-iċċarġjar sal-2024 mat-340 li diġà hemm.

“Għas-sena 2024 ingħadilna li hu għaddej ix-xogħol biex pajjiżna jkollu 1,200 punt tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi. Sal-lum, il-Gvern investa f’372 punt tal-iċċarġjar pubbliku!”

Mark Anthony Sammut spjega li kulma nbidel f’sena kien biss li l-Gvern żied 32 charging point mis-6,000 li suppost żied sa seba’ snin oħra, jekk irridu nimplimentaw il-viżjoni li ħabbar il-Gvern innifsu. U telaq id-deadline. X’ma jiltaqx id-deadline, b’din ir-rata rridu 200 sena biex nagħmluhom is-6,000 charging point!”

Mistoqsi dwar kemm iċ-charging points li hawn fil-pajjiż qegħdin verament jiffunzjonaw kollha, Mark Anthony Sammut qal li mill-kummenti u l-feedback li qiegħed jirċievi, lanqas iċ-charging points li għandna m’aħna kapaċi inmantnu u nżommu jaħdmu.

“F’ġurnata waħda, ftit ġimgħat ilu, ċempilli persuna u qalli li kien l-Unviersità u ċ-charging station ma kenitx qegħda taħdem, mar Ħ’Attard u sab li ż-żewg stations ma kenux qegħdin jaħdmu wkoll… mar il-Mosta, kemm f’Ta’ Żokrija u kemm ta’ ħdejn ir-Rotunda u sab li t-tnejn ma kinux qed jaħdmu. Għalhekk mar Ta’ Qali ħdejn l-Isptar tal-Annimali li issa jinsab magħluq, u sab li anqas iċ-charging point ta’ quddiemu ma kienet qegħda taħdem,” qal Mark Anthony Sammut.

Hu kompla jistaqsi: “Kif qatt nistgħu nikkonvinċu lin-nies jitilqu l-karozzi tal-petrol jew tad-diesel u jaqilbu għal karozzi elettriċi jekk il-pompi tal-petrol għadhom jinfetħu bil-gzuz!? Sa anke ġnien pubbliku fil-Gżira l-Gvern irid jeqred biex jagħmlu pompa, meta imbagħad ma għandhomx serħan tal-moħħ li hawn infrastruttura taħdem għal karozzi elettriċi!”

Hu temm jgħid li jiddispjaċih tassew imma f’dan is-settur hu ċar li m’hemmx viżjoni. M’hemmx pjan. Ħafna wegħdi li mbagħad tagħsar u ma ssib xejn.