Internazzjonali

Il-Brażil: Mewta traġika twassal għall-posponiment tal-kunċert ta’ Taylor Swift

Il-kantanta popolari Amerikana Taylor Swift ipposponiet il-kunċert f’Rio de Janeiro wara rapporti li mara żgħażugħa li kienet qed tistenna show mill-kantanta mietet minn attakk tal-qalb fi żmien ta’ mewġa tas-sħana bla preċedent fil-Brażil.

Id-deċiżjoni ta’ Taylor Swift ittieħdet meta kien hemm diġà l-eluf tan-nies fl-istadium fejn hi kellha tagħti l-kunċert bħala parti mill-‘Eras tour’ – bil-kantanta tibgħat messaġġ fuq Instagram li ‘is-saħħa u s-sigurtà tal-fans tagħha jieħdu preċedenza fuq kollox’.

L-awtoritajiet fil-Brażil qed joħorġu l-allerts kontinwi dwar is-saħħa fost it-temperaturi b’medja ta’ bejn id-59 u s-60 gradi Celsius, Sadanittant, Taylor Swift mistennija tagħti xorta kunċert li kien ipprogrammat għat-Tnejn u meta hi għandha  impenji mużikali oħra f’Rio qabel tivvjaġġa lejn il-belt ta’ Sao Paulo skont l-arranġamenti tat-tour.