Lokali

Il-PN ma jista’ jaċċetta qatt li jinqatlu vittmi innoċenti bħat-tfal

Dak kollu li qiegħed jiġri madwarna fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani fejn eluf ta' persuni nqatlu f'kunflitti mdemmija u mill-aktar atroċi.

Hekk kif il-gwerra ‘Russja-Ukrajna’ issa daħlet fid-disa’ xahar tagħha – qegħdin nitkellmu mill-invażjoni tal-24 ta’ Frar lil hawn – u hekk kif il-gwerra Iżrael-Palestina dieħla fis-seba’ ġimgħa tagħha – qegħdin nitkellmu dwar l-attakki ġodda tal-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru li għadda – tajjeb li wieħed jirrealizza li l-bilanċi huma kiefra żżejjed.

Għandna eluf ta’ persuni mejta, fosthom eluf ta’ persuni innoċenti bħal trabi, tfal, żgħażagħ, ommijiet, anzjani, persuni vulnerabbli… u dan fl-isfond ta’ meded sħaħ ta’ bliet, villaġġi u artijiet litteralment meqruda bħal qisu qatt ma kienu jeżistu.

Fl-isfond ta’ dan kollu tkellimt mad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin, li tani aġġornament dwar dawn iż-żewġ gwerer/traġedji u l-mod kif qegħdin jiżviluppaw madwarna… kunflitt imdemmi fl-Ewropa u ieħor daqstant ieħor imdemmi fil-Lvant Nofsani.

Tkellimna l-ewwel dwar il-gwerra ‘Russja-Ukrajna u Beppe Fenech Adami tenna li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar dan il-kunflitt imdemmi għadha dik ta’ kundanna bla riservi għar-Russja għal din il-gwerra li bdiet u li għadha ssostni fil-konfront tal-Ukrajna.

Filwaqt li qal li l-Partit Nazzjonalista jikkundanna din l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, “nikkundannaw ukoll l-annessjoni sforzata tar-reġjuni sħaħ Ukreni li missu mar-Russja. Aħna nappoġġjaw il-pożizzjoni magħquda li qegħda tieħu l-Unjoni Ewropea filwaqt li nsostnu li l-Unjoni Ewropea għandha tassisti lill-poplu Ukren fuq kull livell.

“Aħna nsostnu u nappoġġjaw is-sanzjonijiet imposti fuq ir Russja, filwaqt li nikkundannaw bla ebda riżerva l-ħtif ta’ aktar minn 20,000 tifel u tifla Ukreni li ġew deporatati bil-forza lejn ir-Russja.”

Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li t-truppi Russi għandhom jirtiraw mill-Ukrajna bla ebda kundizzjoni u min wettaq dawn l-atti krimi tal-gwerra għandu jħallas għal għemilu.

L-aggressjoni u l-ksur tal-liġi internazzjonali fil-qalba tal-Ewropa m’għandhomx jitħallew jirbħu u wieħed jawgura li fl-iqsar żmien possibbli jinbdew in-negozjati mal-Ukrajna biex eventwalment issir membru tal-Unjoni Ewropea.

Wara din l-analiżi, għaddejna għall-kunflitt imdenni fil-Lvant Nofsani hekk kif il-poplu ta’ Iżrael għadda minn traġedja kbira. Imma wkoll il-poplu Palestinjan għaddej minn traġedja kbira oħra.

Hawnhekk hu reġa’ tenna l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li dak li seħħ fis-7 ta’ Ottubru li għadda ma kien xejn għajr attakk barbaru u mill-aktar selvaġġ; attakk terroristiku fuq il-poplu ta’ Iżrael u fuq nies innoċenti.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bla ebda riżerva dak li wettqu l-militanti tal-Ħamas u “nemmnu li xejn u ebda raġuni loġika ma tista tiġġustifika b’xi mod dak li seħħ. Għax ma tista’ qatt tiġġustifika l-qtil ta’ żgħażagħ li kienu qegħdin jattendu festival u jieħdu pjaċir. Ma tista’ qatt tiġġustifika l-qtil ta’ ommijiet flimkien ma’ wliedhom maqbuda f’darhom. Ma tista’ qatt tiġġustifika massakru ta’ aktar minn elf persuna. Ma tista’ qatt tiġġustifika t-teħid ta’ ostaġġi u tuża lill-istess ostaġġi bħala tarka umana.”

Mistoqsi dwar il-militanti tal-Ħamas u l-Palestinjani, Beppe Fenech Adami spjega li t-terroristi tal-Ħamas mhumiex il-Palestinjani filwaqt li l-Palestinjani mhumiex il-Ħamas. Dak li wettqu l-militant tal-Ħamas ma jagħmilx ġieħ, ma jagħmilx ġid anzi jagħmel ħafna ħsara lill-kawża Palestinjana.

Hu kompla li bl-istess mod li hu jikkundanna l-qtil ta’ ħafna Iżraeljani innoċenti mill-Ħamas, daqstant ieħor jikkundanna bla riżervi l-qtil indiskriminat ta’ innoċenti Palestinjani.

Beppe Fenech Adami, filwaqt li qal li bħalissa d-dinja qegħda tassisti għal din it-traġedja kbira ta’ Palestinjani innoċenti jinqatlu bl-addoċċ, fisser li f’din il-kinsa hemm qtil ta’ tfal, nisa, anzjani… persuni vulnerabbli lkoll Palestinjani fi djarhom. Hu kkalkulat li sa issa nqatlu aktar minn 4,000 tifel u tifla; tfal innoċenti li żgur li qatt ma kellhom jispiċċaw hekk.

Filwaqt li spjega li l-politika ta’ punizzjoni kollettiva għal dak li wettqu t-terroristi tal-Ħamis mhix aċċettabbli u ma twassalx għal xi soluzzjoni, Beppe Fenech Adami wissa’ li l-politika ta’ għajn għal għajn u sinna għal sinna żgur li mhux se twassal għal xi riżultati pożittivi.

Hawnhekk hu appella biex tkun indirizzata bl-aktar mod b’saħħitha u effettiva din it-traġedja li qegħda tkompli tiżviluppa fl-Istrixxa ta’ Gaża u appella biex jinħelsu bla ebda kundizzjoni l-ostaġġi kollha Iżraeljani maqbuda f’Gaża.

“Nappella wkoll lill-Istat ta’ Iżrael biex jassigura li ma jinqatlux aktar tfal aktar nies innoċenti. Nappella lil Iżrael biex jeżerċita d-driit li jiddefendi lil niesu u l-Istat ta’ Iżrael fil-parametri u fl-osservanza tal-Liġi Internazzjonali.

“Nappella biex ikun hemm waqfien tal-bumbardamenti. Nappella lil Iżrael biex jassigura li n-nies innoċenti jkollhom il-bżonnijiet bażiċi tagħhom ta’ ikel, ilma, elettriku, mediċina u kura. Nappella biex jiġu kkreati aktar u aktar kurituri umanitarji. Għandu jkun hemm waqfien mill-ġlied – cease fire – mill-partijiet kollha.”

Beppe Fenech Adami temm li hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja l-isforzi kollha internazzjonali li qegħdin isiru biex dan l-ispirall ta’ vjolenza u ta’ gwerra u qtil jintemm kemm jista’ jkun malajr. “Aħna nsostnu l-pożizzjoni favur it-two state solution fejn ikunu jeżistu kemm l-Istat Palestinjan u kemm l-Istat ta’ Iżrael… żewġ stati li jkunu jeżistu flimkien bħala ġirien u jagħrfu jgħixu fil-paċi.”