Fi Grupp J, il-Portugall huma l-unika tim li rebħu l-partiti kollha fil-grupp, b’10 rebħiet minn 10 wara li għelbu lill-Iżlanda 2-0 fl-aħħar logħba.
Bruno Fernandes fetaħ l-iskor wara 37 minuta logħob minn pass ta’ Bernardo Silva, bit-tieni gowl jasal minn Riccardo Horta wara 66 minuta logħob b’xutt mill-viċin mis-suġġeriment ta’ Ronaldo.
Serbja kkonfermaw posthom fil-EURO 2024 wara l-parità ta’ 2-2 kontra l-Bulgarija fi Grupp G.
Milos Vejkovic kien l-ewwel li fetaħ l-iskor għas-Serbi wara 16-il minuta logħob b’daqqa ta’ ras mill-viċin.
Il-Bulgarija damu sad-59 minuta sabiex għamlu l-iskor indaqs permezz ta’ Georgi Rusev b’xutt baxx mil-lemin indirizzat lejn ir-rokna t’isfel tax-xellug.
Għaxar minuti wara l-Bulgarija marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba fil-partita permezz ta’ Kiril Despodov mill-kontrattakk veloċi ta’ Filip Krastev.
Serbja skorjaw il-gowl tant importanti tad-draw b’mod simili tal-ewwel gowl, din id-darba Srdjan Babic isib ix-xibka b’daqqa ta’ ras oħra mill-viċin, mill-kross tal-attakkant Tadic.
L-Ungerija temmew fl-ewwel post fi Grupp G b’rebħa meritata ta’ 3-1 fuq il-Montenegro.
B’dan ir-riżultat l-Ungeriżi spiċċaw fl-ewwel post bla telfa, b’total ta’ 18-il punt wara 8 partiti.
Kienu Montenegro li fetħu l-iskor l-ewwel hekk kif ħasdu lill-avversarji wara 36 minuta meta Slobodan Rubezic xeħet ġewwa b’daqqa ta’ ras kalma mill-kross ta’ Jovetic.
Żewġ gowls f’temp ta’ żewġ minuti għal Dominik Szoboszlai taw il-vantaġġ lill-Ungerija, bl-ewwel gowl jasal fis-66 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa minn pożizzjoni skomda fuq il-lemin tispiċċa fir-rokna t’isfel tax-xellug, bit-tieni gowl jasal minn pożizzjoni iktar viċin il-lasta, din id-darba bil-midfielder ta’ Liverpool jikkonkludi l-azzjoni tajba ta’ Martin Adam.
L-aħar gowl għall-Ungerija wasal fil-91 minuta mill-konklużjoni ta’ Adam Nagy.
Fi Grupp F, il-Belġju ukoll spiċċaw fl-ewwel post tal- grupp, b’6 rebħiet u żewġ draws f’8 partiti.
L-aħħar rebħa waslet kontra l-Azerbaijan bl-iskor kbir ta’ 5-0, b’ Romelu Lukaku protagonista b’ 4 gowls f’ismu.
L-ewwel gowl tal-attakkant ta’ Roma wasal wara 17-il minuta logob b’daqqa ta’ ras baxxa mill-kross tal-attakkant laterali Doku.
L-isfortuna tal-Azerbaijan kompliet tikber hekk kif fil-24 minuta spiċċaw jilagħbu b’10 plejers wara li tkeċċa Eddy Israfilov.
Fis-26 minuta wasal it-tieni gowl ta’ Romelu Lukaku b’xutt bil-lemin mis-suġġeriment bir-ras ta’ Castagne.
Wara nofsija logħob wasal it-tielet gowl ta’ Romelu Lukaku u ta’ pajjiżu din id-darba mill-assist ta’ Faes.
Fis-37 minuta għal darb’oħra kien l-attakkant prolifiku Lukaku li sab ix-xibka b’xutt b’saħħtu fir-rokna t’isfel tal-lemin.
L-aħħar gowl tal-Belġjani wasal fid-90 minuta, din id-darba Leandro Trossard kien l-awtur gowl minn suġġeriment ieħor ta’ Doku.
Spanja temmew fl-ewwel post ta’ Grupp A segwiti minn Skożja fit-tieni post wara li għelbu l-konfront kontra Georgia bl-iskor ta’ 3-1.
Robin Le Normad kien l-ewwel plejer li skorja għall-Ispanjoli wara biss 4 minuti logħob, b’ Georgia jiksbu d-draw sitt minuti wara permezz tal-istilla tagħhom Khvicha Kvaratskheila.
Spanja damu sal-55 minuta biex reġgħu marru fil-vantaġġ, din id-darba b’ Ferran Torres ikun l-artist tal-gowl b’daqqa ta’ ras mill-kross ta’ Gaya mix-xellug.
Finalment, Spanja kkonfermaw ir-rebħa fit-72 minuta meta Luka Lochoshvili tefa’ fix-xibka tiegħu stess u għamel l-iskor 3-1 għall-Ispanjoli.
RIŻULTATI U LOGĦOB:
Illum:
Grupp A: Skożja v Norveġja 3-3, Spanja v Georgia 3-1
Grupp F: Belġju v Azerbaijan 5-0, Żvezja v Estonja 2-0
Grupp G: Ungerija v Montenegro 3-1, Serbja v Bulgarija 2-2
Grupp J: Bosnja/ Hervzegovina v Slovakja 1-2, Liechtenstein v Lussemburgu 0-1, Portugall v Iżlanda 2-0
Għada:
Grupp C: Maċedonja ta’ Fuq v Ingilterra 8:45pm, Ukrajna v Italja 8:45pm
Grupp E: Albanja v Gżejjer ta’ Faroe 8:45pm, Repubblika Ċeka v Moldova 8:45pm
Grupp H: Irlanda ta’ Fuq v Danimarka 8:45pm, San Marino v Finlandja 8:45pm, Slovenja v Kazakhstan 8:45pm