Għawdex Lokali

“Irridu nipproteġu l-identità ta’ Għawdex filwaqt li nkomplu naħdmu għal kwalità ta’ ħajja tajba” – Bernard Grech

“Irridu nipproteġu l-identità tal-Gżira Għawdxija filwaqt li nkomplu ninvestu sabiex Għawdex timxi ‘il quddiem iżda fuq kollox il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività politika li saret il-Ħadd filgħodu fix-Xagħra, Għawdex.

Waqt id-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ġdida għaliex taħt Gvern Laburista l-ambjent mar lura, id-dejn żdied, il-kriminalità żdiedet, koppja qed issibha diffiċli sabiex tixtri l-propjetà, iż-żgħażagħ iridu jitilqu minn pajjiżna fost affarijiet oħra.

Bernard Grech fakkar fil-viżjoni ekonomika ta’ eċċellenza fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet b’mod għaqli u fejn l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi jiġu l-ewwel u qabel kollox. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ma nistgħux nibqgħu nagħmlu kompromessi ma’ dak li ngħożżu fosthom il-wirt dinji; referenza għall-permess skandaluż ta’ żvilupp ta’ bini qrib it-tempji tal-Ġgantija.

Waqt id-diskors tiegħu Bernard Grech fakkar li Gvern Nazzjonalista kien jiftaħ skola kull sena filwaqt li l-Labour għal sempliċiment tibjida jgħidu li fetħu skola ġdida fejn hawnhekk huwa saħaq li dan huwa turija ċara li l-Gvern m’għandu l-ebda viżjoni għal pajjiżna.

U għalhekk, il-Partit Nazzjonalista kommess li jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex iwelled Għawdex b’viżjoni ta’ eċċellenza.